Fi studju mis-sit awtorevoli Politico, l-Università ta’ Malta kklassifikat mal-aqwa għaxar universitajiet li studjaw fihom uffiċjali għolja tal-Unjoni Ewropea, qabel ma bdew jaħdmu ma’ istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
L-ammont ta’ uffiċjali li kienu jattendu l-Università ta’ Malta huwa ta’ 1.8%, mis-sample li ntuża għal dan l-istħarriġ. B’hekk Malta kklassifikat fid-9 post fost l-aqwa 25 universitajiet.
Għal dan l-istħarriġ ġew ikkunsidrati aktar minn 600 individwu, 450 minhom jaħdmu bħala diretturi, viċi diretturi, Kapijiet ta’ taqsimiet fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea.
Fi stqarrija maħruġa milll-Università ta’ Malta ntqal li wieħed irid iżomm f’moħħu li Malta hija l-iżgħar pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.
Minn dan l-istudju ħareġ ukoll li l-età medja tal-uffiċjali li jaħdmu mal-Unjoni Ewropea hija ta’ 57 sena, li għandhom minn tal-anqas żewġ degrees, waħda minnhom fil-liġi. 80% minnhom għandhom Masters, jew higher degree li tinkludi wkoll PhD.
Ir-Rettur tal-Università, il-Prof. Alfred J. Vella laqa’ b’sodisfazzjon dan ir-riżultat u qal li dan juri kif l-Università tħejji lill-istudenti tagħha għall-karriera tagħhom u kif xogħolhom iħalli impatt fuq is-soċjetà inġenerali.