Il-Partit Nazzjonalista ħareġ jgħid li deċiżjoni tal-Università ta’ Malta biex studenti ġodda jagħmlu eżami tal-profiċjenza fl-Ingliż u biex jattendu Communicative Aptitude Programme ittieħed bil-ħeffa. Tant hu hekk li fi stqarrija qalu li din il-miżura, immirata biex l-istudenti jkunu mgħarrfa sew kif jikkomunikaw bl-Ingliż, hija ‘diżappunt’.
Illum wieġbet l-Università ta’ Malta. Qalet li bħala istituzzjoni li tilqa’ mat-12,000 student, temmen li għandha obbligu tiżgura li kull gradwat għandu l-għodda neċessarja biex itejjeb l-opportunitajiet għall-istudenti, kemm mill-aspett akkademiku u kemm biex dawn ikunu jistgħu jsibu impjieg.
Li wieħed ikun jaf l-Ingliż huwa kruċjali, u għalhekk mit-tieni semester ta’ din is-sena akkademika, l-istudenti tal-ewwel sena li jiksbu grad 4 jew 5 tas-SEC fl-lingwa Ingliża jew grad C jew inqas fl-IGCSE qed ikunu offruta erba’ study units permezz ta’ dan il-programm.
Dawn jitqassmu fuq l-ewwel sentejn tal-istudji u jikludu aspetti prattiċi ħafna. L-Università ċċarat li dawn il-passi mhux talli ma’ joħolqux ‘barriers’ kif insinwa l-Partit Nazzjonalista, iżda jżidu fil-valur tal-edukazzjoni tal-istudent.