Il-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa tal-Università ta’ Malta nediet il-kors tagħha fil-B.Sc. Nursing (Hons.) (Elderly Care) f’San Vinċenz de Paule. Iż-żieda fil-popolazzjoni li qed tixjieħ teħtieġ li infermiera kkwalifikati f’ambjenti tas-saħħa u l-kura soċjali jkunu ppreparati b’mod adegwat sabiex jipprovdu kura ta’ kwalità lill-adulti anzjani.
Dan il-programm ta’ studju jipprovdi kompetenzi speċifiċi u ħiliet fil-kura ta’ adulti anzjani lil infermiera kkwalifikati, u jagħtihom ukoll kompetenzi aktar ġenerali li jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp akkademiku u professjonali tagħhom. Ir-residenza San Vinċenz de Paule se tappoġġja infermieri minn tagħha biex jagħmlu dan il-kors.
Dan il-kors part-time filgħaxija, li permezz tiegħu infermiera għandhom il-possibbiltà li jgħollu l-livell tal-kwalifika li diġà għandhom, ikopri aspetti preventivi, mediċi, riabilitattivi u palljattivi tal-kura f’firxa ta’ ambjenti, li jinkludu l-kommunità, l-isptar u sitwazzjonijiet fuq tul ta’ żmien. Suġġetti rilevanti bħad-dimenzja, in-nutrizzjoni u l-farmakoloġija jiġu indirizzati.
Gradwati ta’ dan il-programm jiksbu kwalifika ta’ lawrja u speċjalizzazzjoni fl-infermerija tal-kura tal-anzjani. Il-programm jipprepara lill-kandidati biex jieħdu rwoli fil-kura ta’ adulti anzjani li qegħdin jgħixu fil-komunità, dawk pazjenti fi sptarijiet għal mard serju jew ta’ riabilitazzjoni, jew dawk li qegħdin jgħixu fid-djar residenzjali/istituzzjonijiet għall-anzjani, billi jieħdu ħsieb il-bżonnijiet bijopsikosoċjali tagħhom għat-titjib ta’ saħħithom, il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Dwar prospetti ta’ karriera, dan il-programm jagħti l-opportunità lill-gradwati biex ikomplu l-istudji tagħhom u jipproċedu għal-lawrja ta’ Master.
Il-kors tnieda fil-preżenza tal-Ministru Michael Falzon, Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis.