“L-uniku periklu għall-ekonomija Maltija hija l-koalizzjoni ta’ konfużjoni.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat waqt Pjazza fi Pjazza f’Birkirkara. Quddiem folla kbira ta’ nies, il-Prim Ministru spjega kif l-inċertezza u l-konfużjoni tal-koalizzjoni ta’ Simon Busuttil u Marlene Farrugia hija ta’ periklu għall-ekonomija ta’ Malta. Dan b’referenza għal pożizzjoni differenti ta’ bejn iż-żewġ Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista, fost oħrajn, dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
Il-Mexxej Laburista spjega kif Simon Busuttil dwar dan il-programm biddel il-pożizzjoni tiegħu diversi drabi; l-ewwel qal li prinċipju li dan il-programm ma jistax isir, fil-bidu tal-kampanja mbagħad qal li se jkun qed iżommu u wara li rċieva kritika qal li se jbiddlu “iżda kif se jbiddlu ma qalilniex,” spjega Joseph Muscat. Min-naħa l-oħra Marlene Farrugia qalet li hija kontra dan il-programm ta’ ċittadinanza. Għalhekk il-Prim Ministru qal li l-unika inċertezza fl-ekonomija Maltija tiġi biss jekk fit-tmexxija tal-pajjiż ikun hemm il-koalizzjoni ta’ konfużjoni.
Dan b’referenza għall-Malta Files li dwaru l-Prim Ministru qal li minn dak irrapportat fil-media barranija jirriżulta biss li sar storbju iżda m’hemmx sustanza. Għalhekk, tenna l-Prim Ministru, huwa ċert li l-qasam tas-servizzi finanzjarji pajjiżna se jibqa’ miexi ‘l quddiem u joħloq aktar impjiegi. Bil-Mexxej Laburista jsaqsi lil dawk li jaħdmu fis-settur finanzjarju jekk “Qatt kellkom xogħol daqs kemm kellkom fl-aħħar erba’ snin?”
Iżda b’dik il-mistoqsija l-Prim Ministru qal li minkejja li nkisbu r-riżultati, Gvern Laburista mhux biss qed jippriedka li se jkompli jaħdem għall-pajjiż iżda se jkompli jagħmel dan fil-prattika. Dan b’referenza għall-proposti mħabbar llum, li se jagħtu Nifs ġdid lill-familji. Dwar dawn il-miżuri, l-Mexxej Laburista qal li huma konkreti u mmirati. Dan juri aktar id-differenza “ċara” bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista li sa għaxart ijiem qabel l-elezzjoni għadu ma ppubblikax il-manifest tiegħu, u l-unika proposti li semma’ mhumiex costed.
Il-Prim Ministru qal li l-proposti li qed jitpoġġew quddiem l-elettorat m’humiex irkant, u li Gvern Laburista qed jipproponi pjan konkret li jista’ jitwettaq. Pjan konkret li se jkompli jibni fuq dak li diġà twettaq. Dan qalu l-Prim Ministru fi tmiem id-diskussjoni li matula saru testimonjanzi minn persuni li llum qed jgħixu ħajja aħjar grazzi għal dak li wettaq Gvern laburista, iżda minkejja dan il-Mexxej Laburista qal li fadal aktar xi jsir biex kull persuna tgawdi mill-ġid li qed joħloq Gvern Laburista.