Studju tal-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, wera kif Malta hi l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn il-piż tas-self fuq id-djar naqas, bil-maqlub taż-żidiet bla preċedent li ġew osservati fil-pajjiżi madwarna.
Il-gazzetta It-Torċa rrapportat li, minn Lulju tal-2022, il-Bank Ċentrali Ewropew żied ir-rata ewlenija tal-imgħax tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament minn 0 % għal 4.5%. Dan seħħ biex jiżdied il-piż tas-self u tonqos id-domanda tal-familji u n-negozji ħalli din tiġi eqreb tal-provvista ta’ oġġetti u servizzi u b’hekk tonqos eventwalment ir-rata tal-għoli tal-ħajja.
Imma dan ifisser li, fl-immedjat, il-familji u n-negozji Ewropej qed jaqgħu f’morsa ta’ inflazzjoni għolja kif ukoll għafsa kbira minħabba spejjeż fuq self eżistenti tagħhom.
Pereżempju jekk familja għandha self ta’ €200,000, kieku iż-żieda kollha fir-rata tal-imgħax tal-Bank Ċentrali Ewropew tkun mgħoddija mill-bank kummerċjali, dik il-familja tispiċċa jkollha tħallas €9,000 aktar f’imgħax, jew piż kull xahar addizzjonali ta’ €750.
Meta wieħed iqis il-kobor ta’ din id-daqqa, speċjalment fi żmien meta l-konsumaturi Ewropej huma milqutin bil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel għoljin, hu faċli li wieħed jifhem għaliex il-konsum privat naqas u t-tkabbir ekonomiku sparixxa.
Madankollu, It-Torċa kompliet li, skont l-istudju ppubblikat fl-aħħar jiem mill-IMF, Malta kienet l-uniku pajjiż Ewropew fejn fil-fatt naqsu l-ispejjeż tas-self fuq id-djar.
Bil-maqlub, f’ħafna pajjiżi oħrajn, din iż-żieda fl-ispejjeż qed ikollha impatti ekonomiċi devastanti.
Skont l-IMF, Malta mhux qed tiġi affettwata minħabba li l-banek Maltin għandhom livell ta’ likwidità għolja ħafna, li jfisser li, tant għandhom depożiti li m’għandhomx għalfejn jissellfu mingħand il-Bank Ċentrali Ewropew u allura mhemm l-ebda raġuni li jgħollu l-imgħax għall-klijenti tagħhom.
Il-kawża ta’ din il-likwidità abbundanti hi r-rata ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħitha ta’ pajjiżna, flimkien mal-pakkett sostanzjali ta’ appoġġ fiskali li l-Gvern qed jipprovdi lill-familji u lin-negozji. Tali diskrepanza ma’ stati membri oħrajn qed tiżdied, hekk kif dawn qed jirtiraw anke l-għajnuna limitata li kellhom għall-poplu tagħhom.
L-appoġġ fiskali f’Malta fisser li d-depożiti bankarji ta’ kumpaniji u familji laħqu livelli rekord.
Skont studju tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-medja tal-familji Maltin għandhom self fuq djar ta’ €73,000. Dan ifisser li minħabba l-politika ekonomika tal-Gvern, dawn qed jiffrankaw medja ta’ kważi €3,300 f’imgħax addizzjonali.
Minbarra hekk, bl-iskema introdotta bħala parti mill-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, first time buyers qed jingħataw għotja ta’ €1,000 fis-sena għall-ewwel għaxar snin tas-self tagħhom.