Chris Said fil-Parlament illejla ressaq mozzjoni li fil-mira tagħha kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Mozzjoni biex issir investigazzjoni dwar allegazzjonijiet li kienet tagħmel Daphne Caruana Galizia.
Bil-Partit Laburista qal li kien ikun aħjar li l-mozzjoni ta’ Chris Said, intbagħtet dirett lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia għaliex huwa ċar kemm hi diretta kontrih.
Il-Partit Laburista saħaq li f’dan il-mument ikun għaqli li wieħed iħalli l-Maġistrat li qed jinvestiga l-qtil jagħmel xogħolu.
Innota wkoll li fuq inizjattiva ta’ Dr Simon Busuttil, qed isiru fil-Qorti numru ta’ inkjesti li huma simili għal dak li qed titlob il-mozzjoni.
Il-PL qal li fuq kollox, il-Prim Ministru stess talab lil Qorti biex tappunta Maġistrat indipendenti biex jinvestiga l-allegazzjonijiet foloz kontrih u kontra familtu.
L-uniku investigazzjoni nieqsa hija dik fil-konfront tal-Kap tal-Oppozizzjoni, Adrian Delia, li mar jigri jirtira l-libelli.
Jidher issa li kif wieħed kien jistenna, wieħed minn sħab Adrian Delia stess dendel il-ġonġol ma’ għonqu.
Il-Partit Laburista qal li jħares ‘il quddiem għad-diskussjoni ta’ din il-mozzjoni.