Charlie Flores. Dan huwa l-isem tal-unika Malti li skorja f’Wembley. Kien biss l-eks ġurnalist Charlie Flores li rnexxielu jiskurja fuq dan il-grawnd prestiġjuż fil-logħba tal-futbol!
Dan qalu l-istess Charlie Flores fuq is-sit soċjali tiegħu Facebook, hekk kif fl-okkażżjoni tal-logħba Malta kontra l-Ingilterra llum, ġietu n-nostalġija u mar lura ħamsa w erbgħin sena. F’dan ir-rakkont nostalġiku l-eks ġurnalist Flores , ħamsa u erbgħin sena ilu kien qiegħed l-Ingilterra biex jirraporta din il-logħba Ingilterra kontra Malta, meta waqt sessjoni ta’ taħriġ tat-tim nazzjonali Malti kien irnexxielu jipperswadi lill-eks goalkeeper nazzjonali Borg Bonaci biex jagħtih ‘penalty’.
Flores jkompli jgħid li l-goaler nazzjonali Malti kien aċċetta u hu rnexxielu jiskurjalu u saħansitra tefaw fin-naħa l-oħra tal-lasta. Izda, l-isbaħ parti kienet meta l-istess Flores beda jaqbad ma’ Borg Boanci għax kif jgħid il-Malti ‘lanqas biss xammu’ u jgħidlu x’ser jagħmlulu l-Ingliżi, izda ma tantx dam. Il-coach nazzjonali Malti Tony Formosa ġibdu f’ ġenb u tah ċamata.
Imma għalfejn? Flores jirrakonta u jgħid li Formosa kien qallu li t-tim tekniku kienu ilu jaħdem fuq il-moral tal-plejers xhur u issa ġie hu u ser jipprova jnaffar kollox. B’ton umoristiku Flores kiteb fuq Facebook li għalkemm kellu raġun il-kowċ hu kien l-unika Malti li rnexxielu jiskorja f’ Wembley l-antik.