Dan huwa Moviment li jgawdi minn serenità. U din is-serenità tipprovdi stabilità. Fejn taf fejn qiegħed magħna. Taf min qed imexxi. Taf li għandna difetti iżda fl-aħħar mill-aħħar qalbna tħabbat fil-post it-tajjeb. Il-poplu ma jridx koalizzjoni tal-kaos u t-taħwid fejn l-affarijiet li jolqtuh jiġu deċiż fit-tferfix tal-mument. Il-familji u negozji iridu min jiflaħ jieħu deċiżjonijiet b’serenità. L-uniku koalizzjoni li rridu hija magħkom, mal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li kien qed jagħlaq il-Konferenza Ġenerali Annwali 2017 bit-tema, ‘Malta ‘l quddiem għal aktar suċċess fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun.
Il-Prim Ministru saħaq li dan il-Gvern jipprovdi stabilità. Dan il-Gvern serraħ ras il-Maltin u l-Għawdxin li kapaċi jiddeċiedi. Dan il-Gvern wera s-saħħa tal-għaqda fi ħdan dan il-Moviment. Moviment li mhux bitter, ma jippersegwitax lil min jikkritikah, jaħdem ma’ kulħadd, u dejjem qed jilqa’ aktar nies ġodda fi ħdanu. Moviment li huwa magħqud u b’ saħħtu. Għaldaqstant, m’ għandniex bżonn koalizzjonijiet biex nagħmlu dan, tenna Dr Muscat.
Uħud mill-avversarji politiċi tagħna qed jippruvaw u se jkomplu jippruvaw itellfuna s-serenità u l-kalma. Mhux se jirnexxielhom. Se jivvintaw, iħarrfu u jigdbu. Aħna għandna nwieġbu billi ma naqgħu qatt għal dak il-livell baxx ta’ politika. Inkunu sodi iżda ma nkunux kattivi. In-nies jafdaw l-akbar saħħa f’min għandu ħafna poter u jżomm lura milli jużah, mhux f’ min għandu ftit u jabbużah. Bħalissa hemm min mingħalih li bi stejjer, b’ dati, jista’ jipprova jwaqqaf il-progess ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna. Niggarantilkom li m’jien se nħalli lil ħadd itellef lil pajjiżna s-serenità li ksibna, sostna Joseph Muscat.
Il-Mexxej tal-Partit Laburista semma kif id-Deputat Laburista Joe Debono Grech se jkun qed jaħdem sabiex inkomplu nisimgħu aktar in-nies u dawn ikunu mgħejjuna. Dr Muscat għamel appell biex it-Tnejn l-1 ta’ Mejju kulħadd ikun fi Pjazza Kastilja l-Belt Valletta għal Jum il-Ħaddiem.