L-unika Partit fil-Gvern li wiegħed bini ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali u ma żammx kelmtu kien il-Partit Nazzjonalista.
Innota dan il-Partit Laburista fi stqarrija, fejn intqal li taħt Gvern Laburista għaddejjin għoxrin proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali li jfissru aktar minn elf appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Dawn il-proġetti qegħdin isiru fil-lokalitajiet ta’ Bormla, Ħal Kirkop, Msida, Qrendi, Siġġiewi, Luqa, Wied il-Għajn, Mellieħa, Raħal Ġdid, Ħaż-Żabbar u Ħaż-Żebbuġ.
Intqal li għaliex Gvern Laburista jżomm kelmtu, diġà tlestew mijiet ta’ appartamenti ta’ akkomodazzjoni soċjali b’investiment ta’ aktar minn disa’ miljun ewro. Dawn il-binjiet qegħdin jitlestew b’xogħol tal-ogħla kwalità.
Il-Partit Laburista nnota li taħt Gvern Nazzjonalista, l-Awtorità tad-Djar kellha pakkett finanzjarju ta’ żewġ miljun ewro u seba’ skemi.
Illum, l-Awtorità tad-Djar, għandha baġit ta’ €40 miljun u 15-il skema u baġit ieħor ta’ €150 miljun għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali.
U l-gvern ma waqafx hawn.
Fl-aħħar snin, kellu jkun Gvern Laburista li jerġa’ jibda jiġġenera u jwettaq xogħliiet ta’ manutenzjoni f’binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali li Gvern Nazzjonalista kien abbanduna għal għexieren ta’ snin. Fl-aħħar sena u nofs biss, l-Awtorità tad-Djar investiet aktar minn €6 miljuni biex setgħet tagħmel xogħlijiet ta’ manutenzjoni u ta’ riġenerazzjoni f’binjiet tal-akkomodazzjoni soċjali.
Intqal ukoll li l-Gvern għamel riformi kbar ukoll fis-settur tal-kera.
“Dawn huma lkoll bidliet, li għall-Gvern Nazzjonalista qatt ma kienu prijorità. Huma bidliet li l-Partit Laburista wiegħed u qed iwettaq”, temm jgħid il-Partit Laburista.