Fadal inqas minn tliet xhur sal-bidu taċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar tal-Ewropa (magħruf bħala l-GSSE), li se jsir f’pajjiżna hekk kif it-tħejjijiet ikomplu għaddejjin.
Matul dawn l-aħħar jiem il-Kumitat Olimpiku Malti ospita laqgħa għax-Chefs de Mission u delegati tekniċi li jirrappreżentaw id-disa’ pajjizi tal-GSSE għal laqgħat f’Malta bis-sehem ta’ aktar minn ħamsa u għoxrin delegat.
L-ewwel żjara li saret tat ħarsa lejn fejn se jiġu ospitati l-atleti. Id-delegati ngħataw l-opportunità biex iżuru l-faċilitajiet li permezz tagħhom se jkunu possibbli li jsiru l-kompetizzjonijiet waqt il-Logħob.
Intant, il-Kumitat Olimpiku Malti ospita t-tnedija tal-uniformijiet ta’ Team Malta, fil-preżenza ta’ diversi mistednin, fosthom rappreżentanti tal-Gvern, tal-atleti, u tal-għaxar dixxiplini sportivi li qed isiru f’Malta, kif ukoll mistednin oħra.
L-uniformi ġiet immudellata minn uħud mill-aktar atleti rikonoxxuti ta’ Malta, u li aktarx se jkunu parti minn Team Malta waqt il-Logħob.
L-uniformijiet jgħaqqdu l-aħmar u l-abjad, li jżewġu flimkien l-enerġija u l-passjoni Maltija – bl-elementi kollha assoċjati wkoll mal-isport.
L-uniformi kienet iddisinjata b’materjal adattat għall-kundizzjonijiet tat-temp sħun Malti matul il-Logħob, sabiex jipprovdi protezzjoni kontra x-xemx.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka, u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, faħħar ix-xogħol li sar biex jospita dan l-avveniment prestiġġjuż f’Malta.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace-Bonello, esprima l-apprezzament tal-Kumitat għall-aftt li mijiet diġàapplikaw biex ikunu voluntieri għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Hawn il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti qal li, “Qed nieħdu gost li qed jiġu ħafna nies biex japplikaw biex ikunu voluntiera. Għadna bżonn 800 u bħalissa qegħdin 600, jiġifieri jonqos ftit – imma perżważi li n-nies se jiġu bi ħġarhom biex jgħinuna f’dan il-Logħob.”