L-Ungerija permezz tal-veto mblukkat pakkett ta’ €50 biljun ewro f’għajnuna mill-Unjoni Ewropea lill-Ukrajna.
Dan waqt summit tal-Kunsill Ewropew li għaddej bħalissa fi Brussell.
Fil-fatt, fid-dawl ta’ dan, il-mexxejja Ewropew qablu li n-negozjati dwar din l-għajnuna għandhom ikomplu kmieni s-sena d-dieħla, hekk kif l-Ukrajna hija dipendenti sew fuq l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti.
L-imblukkar ta’ din l-għajnuna mħabbra mill-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban wasal ftit wara li fl-istess summit ġie deċiż li jibdew diskussjonijiet sabiex l-Ukrajna tissieħeb fi ħdan l-Unjoni Ewropea flimkien mal-Moldova. Dan filwaqt li l-Georgia tingħata ‘candidate status.’
Minkejja r-rabtiet b’saħħithom bejn l-Ungerija u r-Russja, l-Ungerija ma użatx il-veto f’dan ir-rigward, iżda astjena mill-vot.
F’kumment mal-midja wara l-vot dwar l-għajnuna lill-Ukrajna, il-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte sostna li fadal iż-żmien favur qbil f’dan ir-rigward hekk kif għad hemm finanzi disponibbli għall-użu fl-Ukrajna fiż-żmien immeddjat.
Tenna li filwaqt li 26 pajjiż qablu favur din l-għajnuna, jinsab kunfidenti li jintlaħaq qbil mal-Ungerija sabiex dan il-ftehim jingħalaq sal-aħħar ta’ Jannar.
Dan anke kkonfermah il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel kmieni l-Ġimgħa filgħodu.