Rapport minn Membri Parlamentari Ewropej ikkonkluda li l-Ungerija m’għadhiex demokrazija li tiffunzjona bis-sħiħ.
L-istess rapport qal li l-Ungerija għandha titqies bħala reġin ibridu ta’ awtokrazija elettorali, minħabba li għalkemm l-elezzjonijiet isiru b’mod regolari dawn ma jirrispettawx in-normi bażiċi tad-demokrazija.
Din il-konklużjoni ġiet wara li fost l-esperti qed tiżdied l-opinjoni li dan il-pajjiż m’għadux wieħed demokratiku daqs kemm kien kif jirriflettu wkoll bosta indiċi internazzjonali li tefgħu lura l-Ungerija f’dan ir-rigward.
Fir-reżoluzzjoni tagħhom, il-Membri Parlamentari Ewropej ippuntaw direttament lejn il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban, li ilu fit-tmun tal-pajjiż sa mill-2010.
Huma kkundannaw l-isforzi sistematiċi li b’mod deliberat qiegħed jimmina l-valuri tal-Unjoni Ewropea.
Fost l-aspetti li ġew attribwiti għal dan in-nuqqas jinkludu, lista twila ta’ drittijiet fundamentali li fl-Ungerija qegħdin f’riskju bħas-sistema elettorali, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà tal-espressjoni, pluraliżmu tal-midja, u protezzjoni ta’ gruppi minuri u refuġjati.
Il-Parlament Ewropew esprima d-dispjaċir tiegħu għan-nuqqas ta’ azzjoni deċiżiva mill-Unjoni Ewropea li wassal biex id-demokrazija f’dan il-pajjiż iżżarmat.
Erbgħa mija tlieta u tletin Membru Parlamentari Ewropew ivvutaw favur dan ir-rapport, f’turija b’saħħitha ta’ qbil ma’ dak li ġie konkluż, filwaqt li mija tlieta u għoxrin ivvutaw kontra u tmienja għoxrin oħra astjenew.
Intant, fi żvilupp ieħor il-Kummissjoni Ewropea, f’April kienet iffriżat l-fondi mogħtija lill-Ungerija permezz ta’ mekkaniżmu apposta.
Il-Kumissarju Ewropew għall-Fondi, Johannes Hahn, kien iddikkjara li jekk l-Ungerija tfalli milli tilħaq l-obbligi demokratiċi tagħha u tiġġieled il-korruzzjoni se tkun qed tesperjenza nuqqas ta’ sebgħin fil-mija tal-fondi li din tirċievi.
Hawnhekk, intqal kif kull sena l-Ungerija tirċievi madwar sitt biljun ewro f’Fondi ta’ Koeżjoni biex twettaq diversi proġetti.