“L-umiltà hija l-arma li żżarma l-arroganza ta’ ħaddieħor. L-umiltà.”
Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista f’għeluq is-sena mill-aħħar elezzjoni ġenerali.
Fid-diskors tiegħu Dr Abela ta ħarsa lejn il-kisbiet ta’ Gvern Laburista f’din il-leġiżlatura, li minkejja li għadha fl-ewwel sena tagħha u kienet ikkaraterizzata minn sfidi internazzjonali kbar xorta qed issarraf f’investiment fin-nies mill-Gvern.
Fil-fatt, Dr Abela tkellem dwar il-prinċipji li jmexxu lil dan il-Gvern u li xprunaw l-ewwel sena fit-twettiq tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ li kellu elf proposta u li qed jinbidli f’elf kisba.
“Fuq quddiem nett fil-qasam soċjali, is-settur li qatt ma waqafna nagħtuh prijorità. Għaliex ikbar ma jkunu l-isfidi, iktar joħorġu l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali li tant inħobbu u nħaddnu.”
Madanakollu, l-Prim Ministru tenna li l-Gvern ma jistax jaħdem waħdu, iżda għandu bżonn l-appoġġ u l-parteċipazzjoni tan-nies.
B’hekk il-Mexxej Laburista appella lil dawk preżenti biex ikomplu jgħinu fl-iżvilupp ta’ dan il-pajjiż u jwieġbu għas-sejħa ħalli pajjiżna jkollu futur sabiħ.
“Intom li dejjem kontu hemm anki fi żminijiet aktar diffiċli. Intom li qegħdin hawn illum. Intom il-Laburisti li forsi bħalissa tinsabu xettiċi. Se niġi għandkom, għandkom kollha. Se niġi għandkom inħabbtilkom il-bieb għaliex pajjiżna għandu bżonnkom.”
Dr Abela fakkar kif b’poplu maqgħud pajjiżna għeleb sfidi kbar u baqa’ miexi ‘l quddiem iżda l-Mexxej Laburista waqafx milli jħares ‘l quddiem hekk kif sostna li biex dan ikompli jseħħ irid ikun hemm ħidma kontinwa.
Il-Prim Ministru nnota kif xejn ma jista’ jittieħed ovvju u għalhekk l-importanza tal-umiltà biex Gvern Laburista jkompli jgawdi mill-fiduċja tal-poplu biex ikun jista’ jsarrafha f’kisbiet.
“Huwa biss bil-Partit Laburista li dan il-pajjiż ikollu s-serħan il-moħħ li jista’ jibqa’ miexi ’l quddiem. Flimkien irbaħna sfidi kbar u hekk se nibqgħu nagħmlu fi żmien li ġej.”
Fl-aħħar nett il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu billi sostna kif il-Gvern li jmexxi hu jinsab kommess li jibqa’ jwieżen liż-żgħir u li se jibqa’ jħoss il-polz tan-nies.
“Se nkomplu ninvestu fikom, se nkomplu nibnu futur sabiħ għal pajjiżna għax għandna fiduċja f’pajjiżna, għax għandna fiduċja fikom.”