It-tmienja u għoxrin resident li bħalissa għaddejjin bi programm ta’ riabilitazzjoni f’Komunità Santa Marija, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija Sedqa fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, kellhom żjara mill-Imam Laiq Ahmed Atif u l-Komunità Ahmadiyya Musulmana.
L-Imam ġie milqugħ mill-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, id-Direttur ta’ Sedqa, Charles Scerri, u l-Clinical Chairperson, Dr Anna Maria Vella.
F’din iż-żjara, li saret appuntament annwali, l-Imam qassam rigali u ħelu sinonimi ma’ dawn il-ġranet ta’ festi lil kull resident.
F’messaġġ tal-okkażjoni, l-Imam qal li din hija opportunità biex jiġi mfakkar il-valur tal-umanità, irrispettivament mill-fidi jew twemmin tal-individwu. Huwa għadda messaġġ li fil-ħajja kulħadd jiżbalja, imma huwa importanti li nagħmlu ħilitna biex nikkoreġu l-iżbalji u ngħixu ħajjitna bl-aħjar mod possibbli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, innota r-relazzjoni b’saħħitha u l-kuntatt kontinwu mal-Komunità Ahmadiyya Musulmana u qal li dan juri l-valuri intrinsiċi li hemm fir-reliġjonijiet, speċjalment il-valur tas-solidarjetà. Irringrazzja lill-Imam li b’dan il-ġest, qed juri li jiftakru f’persuni li qed jimpenjaw ruħhom biex jirriabilitaw ruħhom minn vizzju li kien qed jikkalpestahom.
Id-Direttur ta’ Sedqa, Charles Scerri, u l-Clinical Chairperson, Dr Anna Maria Vella, esprimew l-apprezzament tagħhom għall-ħbiberija li żviluppat bejn il-Komunità Ahmadiyya Musulmana u l-FSWS u nnotaw li dawn iż-żjarat ifakkru lir-residenti li mhumiex minsija u mdawra b’nies li jirrikonoxxu l-valur tagħhom.
Waqt il-laqgħa, ir-residenti nfushom għaddew messaġġi ta’ gratitudni lejn l-Imam u qalu li l-preżenza tiegħu timlihom b’kuraġġ f’mumenti meta huma jkunu qed jiġġieldu l-battalja kontra l-vizzju.
Din l-inizjattiva tagħmel ħoss għall-valuri universali tas-solidarjetà mal-proxxmu, waqt li ssaħħaħ il-messaġġ li kull ħajja għandha l-potenzjal għat-tisħiħ u l-bidla.