Ir-Russja u l-Ukrajna wettqu l-akbar attakki tagħhom bid-drones kontra xulxin mill-bidu tal-gwerra.
Il-Ministeru tad-Difiża Russa qal li interċettaw 84 drone Ukren f’sitt reġjuni, fosthom uħud li kienu destinati lejn Moska fejn b’konsegwenza kellhom jiġu devjati titjiriet minn tliet ajruporti ewlenin tal-belt kapitali.
Il-forza tal-ajru Ukrena qalet li r-Russja, is-Sibt filgħaxija, bagħtet 145 drone mifruxa fuq il-pajjiż kollu iżda li fil-maġġoranza tagħhom dawn ġew interċettati.
Dawn l-attakki intensivi waslu waqt aspettattivi li l-President Elett Donald Trump jista’ jagħmel pressjoni fuq iż-żewġ naħat biex jintemm il-kunflitt.
Filfatt Trump nhar il-Ħamis li għadda kellu konverżazzjoni bit-telefon ma’ Putin fejn skont sorsi tal-midja, tah il-parir biex ma jeskalax il-gwerra mal-Ukrajna. Huwa wissa lil Putin dwar il-preżenza militari mdaqqsa tal-Amerka fl-Ewropa hekk kif ħeġġu biex irażżan il-kunflitt li issa qed jidħol fit-tielet sena tiegħu.
Matul il-kampanja tiegħu għall-elezzjoni presidenzjali, Trump kemm-il darba ftaħar li kien se jtemm il-gwerra fl-Ukrajna f’24 siegħa għalkemm qatt ma pprovda dettalji konkreti ta’ kif kien se jagħmel dan.