L-Unjoni Ewropea llejla qablet li l-Ukrajna ssir uffiċjalment pajjiż kandidat biex tissieħeb fiha jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet.
B’din id-deċiżjoni, li għadha kif ittieħdet mill-mexxejja tal-Istati membri li qed jiltaqgħu fil-Kunsill Ewropew fi Brussell, tagħti bidu għal proċess li jista’ jwassal biex dan il-pajjiż taħt attakk jersaq iktar ‘il bogħod mir-Russja u eqreb lejn il-Punent. L-Ukrajna applikat biex issir membru fl-UE inqas minn ġimgħa wara li invadietha r-Russja fl-24 ta’ Frar.
Illejla, l-UE tat l-istat ta’ pajjiż kandidat ukoll lill-Moldova, li tmiss mal-Ukrajna.
Il-proċess tas-sħubija fl-UE jista’ jieħu s-snin, u saħansitra deċennji. Il-pajjiżi kandidati jridu jissodisfaw bosta kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi, inklużi l-impenn favur l-istat tad-Dritt u prinċipji demokratiċi oħrajn.
Fi tweet, il-Prim Ministru, Robert Abela, iddeskriva din id-deċiżjoni bħala waħda storika u pass kruċjali għal dawn il-pajjiżi fi triqthom lejl l-UE. Huwa fakkar li l-għaqda tibqa’ importanti ħafna għall-istabbilità fl-Ewropa.