L-Ukrajna waqqgħet wieħed mid-drones tagħha stess wara li qalet li tilfet il-kontroll tiegħu fiċ-ċentru tal-belt kapitali Kyiv.
Ilbieraħ filgħaxija nstemgħu ammont ta’ splużjonijiet li damu sejrin għal madwar għoxrin minuta wara li l-forzi armati ppruvaw iwaqqgħu dan id-drone f’żona partikolari.
Stqarrija maħruġa mill-awtoritajiet qalet li għall-ewwel ħasbu li dan id-drone kien tar-Russi, però ftit tal-ħin wara ammettew li kien tagħhom stess.
Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan fl-inċident u r-raġunijiet wara din il-ħsara teknika qed jiġu stabbiliti.
Dan l-inċident seħħ ftit jiem wara li r-Russja akkużat lill-Ukrajna li żewġ drones attakkaw il-Kremlin, f’Moska, f’dak li sejħitlu attentat ta’ qtil fuq il-President Vladimir Putin.
Min-naħa tagħha l-Ukrajna stqarret li ma kellhiex x’taqsam ma’ dan l-attakk. L-Ukrajna qalet li hija qed tiffoka fuq il-liberazzjoni tal-art Ukrena maħkuma mir-Russja.