Il-Ministri għad-difiża tal-Ukrajna u l-Ġermanja kellhom diskussjoni dwar it-tankijiet tal-gwerra Ġermanizi Leopard 2, illi l-Ukrajna qed tagħmel talba urġenti għalihom biex tkun tista’ tiddefendi kontra r-Russja.
Waqt il-laqgħa tal-bieraħ bejn 50 pajjiż, li saret fil-Ġermajna, kien hemm qbil sabiex l-Ukrajna tingħata aktar armamenti, iżda mhux dwar it-tankijiet Leopard 2, li għandhom il-qawwa li jiġġieldu kontra t-tankijiet Russi T-90 li qed jintużaw fl-invażjoni. Fil-fatt, huwa meqjus li l-użu tal-Leopard 2 kapaċi jbiddlu l-istrateġija kif tiġi miġġielda l-gwerra.
Skont il-liġijiet tal-esportazzjoni Ġermaniżi, pajjiżi oħra ma jistgħux ifornu dawn it-tankijiet jekk mhux bil-permess tal-Ġermanja.
Il-Ġermanja, s’issa, għadha ma ddeċidietx jekk tibgħatx dawn it-tankijiet jew tħallix lill-pajjiżi oħra jagħtu tagħhom; dan minkejja l-pressjoni li qed jaffaċċja l-gvern Ġermaniż biex jaġixxi. Intant, il-Ministru għad-difiża Ġermaniż ċaħad li l-gvern tiegħu qed jimblokka l-użu tal-Leopard 2 fl-Ukrajna.
Ritratt: Michael Kappeler/dpa/picture alliance