Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna akkuża li ħallelin Russi qed jisirqu l-qamħ mill-Ukrajna biex ibugħuh ’il barra mill-pajjiż.
Huwa għamel appell lill-pajjiżi kollha biex ħadd ma jixtri qamħ misruq, inkella jispiċċaw kompliċi mar-Russi.
Ir-Russja ċaħdet akkużi u ddeskriviet ir-ritratti, li juru vapuri qed jimtlew bil-qamħ fil-Krimea, bħala foloz.
Intant, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen akkużat lir-Russja li qed tuża l-ikel bħala arma fil-gwerra kontra l-Ukrajna.
Hija qalet li l-effetti ta’ dan diġà bdew jinħassu fosthom fiż-żieda globali fil-prezzijiet tal-ikel, fertilizzant u tal-enerġija.