Wara li konna rrapurtajna l-kontroversja tal-għażla Russa għall-Eurovision, l-awtoritajiet Ukreni kkonfermaw li r-rapreżentanta tar-Russja għal din is-sena mhux se titħalla tidħol fl-Ukrajna biex tipparteċipa fil-Eurovision li ġej.
Aktar kmieni dan ix-xahar l-istazzjon Russu Channel One ħabbar li se jibgħat kantanta li kantat f’kunċert li sar fil-Krimea sentejn ilu.
Dik deskritta bħala mossa politika mill-Gvern ta’ Moska, Julia Samoilova kienet intgħażlet biex tirrapreżenta lir-Russja f’pajjiż li tqattgħu l-karti minn miegħu.
Samoilova kienet mistennija tkun it-tieni kantanta fuq siġġu tar-roti li tkanta fuq palk tal-Eurovision. L-EBU (l-organizazzjoni li tissorvelja l-proċess kollu tal-Eurovision) dejjem naqset li tikkummenta fuq kontroversji politiċi u sa issa sostniet li hi tirrispetta l-liġijiet tal-pajjiż ospitanti.
Ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Ukrajna u r-Russja ħżienu ferm fl-aħħar snin wara l-waqgħa ta’ Viktor Yanukovych mill-poter. Iż-żewġ pajjiżi jinsabu fi gwerra minħabba t-teħid tal-Krimea minn ħalq l-awtoritajiet Ukreni u l-ġlied fl-Lvant tal-Ukrajna bejn il-qawwiet Ukreni u r-ribelli appoġjati mill-qawwiet Russi.
Għad mhux magħruf jekk ir-Russja hux se tipparteċipa b’artist/a differenti. Ir-Russja kienet tinsab f’komeptizzjoni diretta ma’ Malta għaliex tinsab fit-tieni semi-finali fejn Claudia Faniello se tkun qed tinterpreta l-kanzunetta Breathlessly.