It-Tlieta, l-Ukrajna wettqet l-akbar attakk bid-drones s’issa fuq il-belt kapitali Russa hekk kif 91 drone kellhom fil-mira lil Moska. Qed ikun irrappurtat li mill-anqas persuna inqatlet u tlieta kienu feruti hekk kif tkebbsu diversi nirien. Konsegwenza ta’ dan għexieren ta’ titjiriet kellhom jiġu devjati hekk kif ġew magħluqa l-ajruporti kollha.
Total ta’ 337 drone Ukreni sfaw imwaqqa fuq ir-Russja, li jinkludu 91 fuq Moska u 126 fir-reġjun Kursk.
Dan l-attakk massiv seħħ hekk kif uffiċjali Ukreni qed jippreparaw sabiex jiltaqgħu ma’ dawk mill-Istati Uniti fl-Arabja Sawdija f’tentat sabiex tinstab soluzzjoni għal taħdidiet ta’ paċi li possibilment iġibu fi tmiem it-tliet snin ta’ gwerra. Fl-istess waqt il-forzi Russi kienu qed jippruvaw jiċċirkondaw eluf ta’ suldati Ukreni li jinsabu fir-reġjun ta’ Kursk fil-Punent tar-Russja.
Minkejja dan l-attakk ma kienux jidhru sinjali ta’ paniku f’Moska u kulħadd deher sejjer għax-xogħol normali.