Matul dawn il-jumejn, waqt il-konferenza tal-OSCE, ġew diskussi f’iktar dettall żewġ temi prinċipali – l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-libertà tal-espressjoni fil-media.
Id-Deputat Prim Ministru u Chairperson tal-OSCE Ian Borg tkellem dwar kif 20 sena ilu ġie addottat pjan t’azzjoni dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-laqgħa ministerjali tal-OSCE u minn dakinhar ‘l hawn sar ħafna progress f’diversi pajjiżi msieħba f’din l-organizzazzjoni. Irrimarka li bħala mexxejja, jeħtieġ li jitħarsu d-drittijiet tan-nisa u qal li bħala OSCE, din l-organizzazzjoni għandha tipprovdi l-għodda kollha possibli biex in-nisa jkunu ugwali daqs l-irġiel.
Ma naqasx li jirreferi għall-ħidma li qed iwettaq il-Gvern Malti f’dan is-settur. Semma l-approvazzjoni unanima mill-Parlament meta ġiet introdotta l-liġi dwar il-femiċidju f’Malta, kif ukoll l-inizjattivi li qed isiru b’rabta mal-vjolenza domestika.
Sadanittant, f’laqgħa oħra li saret fil-marġini tal-OSCE, kienet diskussa l-libertà tal-espressjoni u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-ġurnalisti.
Id-Deputat Prim Ministru qal li Malta qed tibbenefika mill-esperti u l-appoġġ tal-OSCE f’dan il-qasam, tant li l-għajnuna mogħtija minn din l-organizzazzjoni wasslet biex pajjiżna kompla jirriforma l-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-media u l-ġurnalisti. Sostna li f’dan l-isfont, il-Presidenza Maltija tal-OSCE poġġiet dan is-suġġett fuq l-aġenda tal-laqgħa ministerjali ta’ din is-sena u ngħatat prijorità fix-xhur li għaddew, biex tippromwovi l-ħtieġa ta’ protezzjoni lill-ġurnalisti.
Irringrazzja lir-rappreżentanti tal-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili li qed jikkontribwixxu fid-diskussjoni dwar dan is-suġġett biex isiru r-riformi meħtieġa f’Malta, Dr Borg qal li bħala Chair tal-OSCE ma jistax jinjora t-theddid li jiffaċċjaw ġurnalisti f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Id-Deputat Prim Ministru temm jgħid li bid-djalogu, il-koperazzjoni u l-impenn għall-kontabilità jista’ jkollna ġurnaliżmu ħieles u li jirrispetta l-priċipji demokratiċi.