Ġejt mitluba minn diversi mezzi tax-xandir biex nagħti l-kummenti tiegħi wara l-konklużjoni tal-inkjesta indipendenti dwar Egrant mill-Maġistrat Aaron Bugeja.
L-ewwel nett, irrid nuri l-qbil tiegħi ma’ kull kelma li qal il-Prim Ministru, żewġi, nhar il-Ħadd.
Kienet sfortuna li kont barra l-pajjiż fuq attivitajiet konnessi max-xogħol volontarju tiegħi, u għalhekk ma stajtx fiżikament inkun maġenbu, anki għax għaddejna minn dan kollu flimkien, bħala familja.
Minħabba l-inkjesta kelli nidħol għall-ewwel darba f’ħajti l-Qorti, biex nixhed waħdi u bla assistenza, kif jitolbu l-liġijiet ta’ pajjiżna. Għal xi wħud, li tidħol il-Qorti huwa normali. Għalija kienet trawma.
Bħala familja, ir-riżultat tal-inkjesta mhux xi lok għal ċelebrazzjoni għaliex konna nippreferu kieku m’għaddejniex minn dan kollu.
Iżda hija lok ta’ serħan għaliex dak li aħna ilna nafu mill-bidu, illum huwa ċċertifikat u hemm għal kulħadd biex jara.
Madankollu, l-uġiegħ mhux se jmur kif ġieb u laħaq. Il-familja tagħna batiet u ġejna affettwati ħafna fuq livell personali u uman. Immaġinaw ikollkom bħala ġenituri tpoġġu bilqegħda ma’ wliedkom ta’ 10 snin, u tispjegawlhom li dak li kienu qed jaqraw, jaraw u jisimgħu ma kienx veru. Tipprova twieġeb mistoqsijiet dwar x’jiġri eżatt jekk jeħduna l-ħabs, jew x’ ikun “istitut” għax qraw li xi ħadd kiteb li wliedna għandhom jittieħdulna.
Kellna niddiskutu kif inġibu ruħna mal-cameras tat-televiżjoni u fotografi li bdew jiġru warajna kullimkien, u kif għandhom jirreaġixxu b’mod dinjituż l-iskola u postijiet oħra, meta jinqala’ l-bżonn.
In-nies forsi jaraw l-istampa pubblika tagħna, fejn nifmhu r-rwol istituzzjonali li għandna u nippruvaw naqduh bl-aħjar mod mingħajr ma nħallu l-ħajja privata tagħna tidħol fin-nofs.
X’uħud forsi ukoll jemmnu li jien dik il-mara bla qalb u vanituża, li tiġi mpenġija mill-kampanja tal-assassinju tal-karattru kontrija li ilha għaddejja 10 snin sħaħ.
Iżda il-ferita li din il-konġura qarrieqa ħalliet fuqna bħala familja, immarkatna għal ħajjitna. Hija l-bażi għal ħafna deċiżjonijiet li ħadna matul il-15-il xahar li għaddew, u dawk fiż-żmien ġej.
Nirringrazzja lil eluf ta’ persuni ta’ rieda tajba li fdawna mill-bidu, mingħjar il-bżonn li jaraw ir-riżultat tal-ebda inkjesta.
Nifhem, u napprezza bl-istess mod, is-sentimenti ta’ dawk li kellhom dubji għaliex, ngħiduha kif inhi, l-istorja kienet impenġija tajjeb wisq biex ma titwemminx.
Illum dawn il-persuni rrealizzaw li qarrqu bihom bl-akbar gidba fl-istorja politika Maltija. Lil dawn il-persuni nirringrazzjahom ukoll tal-appoġġ kbir li qed jagħtuna.
Issa li l-verità ġiet stabbilità, se nagħti aktar enerġija minn qatt qabel lil Fondazzjoni Marigold.
Inħossni midjuna magħhom għaliex baqgħu jappoġġjawni anki meta kien ikun aktar faċli għalihom li jarmuni minħabba li dell beda jintefa fuqhom ukoll u fuq attivitajiet tal-Alleanza għal Mard Rari u Special Olympics.
Ninsab kommossa bl-imħabba murija minn sħabi tal-board ta’ tmexxija u mill-mijiet ta’ voluntiera, anki meta kienu qegħdin jiffaċċjaw il-possibiltà li jiġu ppersegwitati online u fil-ħajja reali sempliċiment għax jidhru miegħi.
Bl-istess mod, nirringrazzja minn qalbi ħbieb bħal Michelle Buttigieg, li ppruvaw itellfula r-reputazzjoni tajba ħafna sempliċiment għax ħabiba tagħna, minn żmien qabel dħalna fil-ħajja pubblika.
Għaddejna minn dan il-martirju kollu bl-aktar mod seren possibbli, mhux għax aħna perfetti, iżda għaliex naħdmu qatiegħ biex ikollna familja b’ saħħitha.
Ma sibna l-ebda għajnuna minn istituzzjoni li tistenna li għandhom ikunu jafu aħjar. Dawk li suppost jipproteġu lit-tfal ma lissnux kelma waħda meta wliedna bdew jiġu vittimizzati. Dawk li ssoltu jsibu ħafna xi jgħidu dwar kollox, qatt ma sabu kelma x’jgħidulna, la fil-privat aħseb u ara fil-pubbliku, la qabel u lanqas wara. Mhux għax stennejna aħjar.
Kif diġà qal żewġi, qed nieħdu parir legali dwar il-passi li jmiss. Bħala ċittadina privata li nimxi mal-liġi nistenna li l-istituzzjonijiet tal-Istat jagħmlu xogħolhom u jsibu min iffalsifika dokumenti b’mod malizzjuż biex jipprova jimplika lili, lil żewġi u lil familja tagħna.
Bħala ċittadini privati se nikkonsultaw mal-avukati tagħna biex niddeċiedu l-azzjonijiet li għandna nieħdu. Nittama li ħadd ma joġġezzjona li nagħmlu hekk skont ir-Rule of Law.
Dan ma huwa se jagħtina xejn lura, iżda ma naħsibx li hemm ġenitur wieħed li ma jagħmilx hekk kieku familtu għaddiet minn dak li għaddejna aħna.
Finalment, se nibqgħu pożittivi. Żewġi m’għandux problema biex jagħmel hekk għax huwa dejjem ottimist u l-pożittività tiegħu tittieħed minn min ikun madwaru.
Inħarsu ’l quddiem li nqattgħu ftit aktar ħin flimkien bħala familja matul is-sajf, imbagħad nibdew nippreparaw biex uliedna jibdew l-iskola sekondarja. Se nagħmlu dan flimkien, bħala familja, bħal dejjem.