L-ewwel Uffiċju tat-tbassir tat-temp imur lura mitt sena.
Kien fl-10 ta’ Lulju tal-1922 li bdew jinżammu għall-ewwel darba l-osservazzjonijiet tat-temp u l-informazzjoni dwar it-temp tal-jum, ta’ kuljum.
Fl-ewwel snin ma kienx isir tbassir tat-temp imma kienu biss isiru osservazzjonijiet. Dak iż-żmien, ix-xogħol kien isir kollu minn Gwardamanġa u ħames snin wara, fl-1927 beda jsir mill-Kavallier ta’ San Ġakbu fil-Belt Valletta, fejn matul il-gwerra nfetaħ stazzjon ġdid għat-tbassir fil-mitjar ta’ Ħal Luqa.
Illum il-ġurnata, l-Uffiċju meteoroloġiku, huwa bbażat fi ħdan il-mitjar fil-Gudja, li xogħlu hu li jwassal dettalji dwar it-temp lil bosta setturi, li jiddependu fuqu, fosthom l-avvjazzjoni.
Staqsejna lil Brian Micallef li għal dawn l-aħħar 27 sena serva fl-Uffiċju Meteorologiku, x’tibdiliet saru, f’dawn il-mitt sena fit-tbassir tat-temp.
“Tibdiliet saru ħafna f’mitt sena, teknoloġija żdiedet, kibret, nistgħu insemmu s-satellita, l-istampi tas-sattelita, per eżempju dan l-aħħar għandna l-weather radar, li jurina ix-xita u l-intensita tax-xita, hemm il-mudelli biex inbassru fuqhom, u dan l-aħħar kellna apparat li jgħidilna fejn huma s-sajjetti”
Is-Sur Brian Micallef spjegalna x’inhuma dawk il-fenomeni li huma ftit diffiċli li jiġu mbassra.
“Fenomeni li huma ftit diffiċli għalina biex inbassru huma x-xita l-iktar għax Malta hija żgħira, it-temp ġieli jgħaddi minn ħdejna u ġieli ma jolqotniex. Gieli rajt fenomeni, ġieli jkun ġej front ta’ arja kiesħa band sħiħa ta’ xita u ġieli kif tiġi fuq Malta tispiċċa u kif jgħaddi minn fejn Malta jerġa jikber ukoll.”
L-uffiċjali mħarrġa li jmexxu l-Uffiċju meteoroloġiku jżommuna aġġornati bil-kundizzjonijiet tat-temp ta’ kuljum. L-avvanzi fit-teknoloġija illum waslu biex saħansitra jiġi mbassar it-temp, mhux biss tal-għada imma għal sebat ijiem ta’ wara wkoll.
Il-bassar tat-temp spjegalna għaliex it-tbassir tat-temp illum qed ikun aktar preċiż.
Il-meteorologu tkellem magħna wkoll dwar it-tibdil fil-klima. Huwa qalilna li bħala temperatura jidher li qed tiżdied, meta mkejla fuq medja ta’ sena.
Bħala xita, jidher li hemm tibdil fit-tendenzi ta’ kif tagħmel ix-xita u l-maltempati. Jidher li l-maltempati qed jiżdiedu, filwaqt li x-xita qed tagħmel inqas. Pero bħala ammonti ta’ xita mkejla f’sena, ma jidhirx li hemm xi varjazzjonijiet kbar.
Spjegalna li f’dawn is-snin, l-ammont ta’ xita jidher li qed jonqos, iżda dan il-fenomenu diġa seħħ, għax is-snin erbgħin, kienu snin ta’ deċenju nieqes ħafna mix-xita.
Mid-dokumenti li rajna nnutajna li fl-imgħoddi kienu jitkejjlu biss it-temperaturi u l-viżibiltà, iżda llum il-ġurnata jitkejjlu wkoll il-pressjoni tal-arja, l-ammont ta’ sħab, l-għoli tiegħu u t-tip ta’ sħab, it-temperatura tal-baħar, l-għoli tal-mewġ u l-imbatt.
Is-Sur Micallef tkellem magħna dwar id-differenza ta’ kif jitkejjel it-temp, illum u dari.
“Warajja qed naraw strumenti li kienu jintużaw qabel li jkejlu t-temp per eżempju l-anemometru li jkejjel ir-riħ, il-pinnur, it-temperaturi sħaħ, biex inkejlu x-xita, u apparat oħrajn. Illum daż-żminijiet kollox avvanza u jitkejjel b’sensors żgħar.”
Illum il-ġurnata, permezz tas-satellita, flimkien mas-sħab u s-sistemi tat-temp qed jiġi osservat ukoll l-iżbroff tal-vulkan Etna fi Sqallija. Dan qed isir minħabba li jista jaffettwa l-avvjazzjoni, fost oħrajn.