It-Tnejn wara nofsinhar, l-uffiċjali u l-ħaddiema involuti fil-Konklavi li se jibdew għada, ħadu l-ġurament tas-segretezza fil-Kappella Pawlina hekk kif stipulat fil-kostituzzjoni appostolika ‘Universi Dominici Gregis’ miktuba minn Papa Ġwanni Pawlu II fit-22 ta’ Frar 1996.
Il-ġurament kien amministrat mill-Kardinal Joseph Farrell, il-Camerlengo tal-Knisja Kattolika Rumana u ttieħed minn dawk kollha, kemm membri tal-kleru kif ukoll lajċi, li kienu approvati mill-istess Camerlengo u tliet assistenti kardinali.
Dawn jinkludu s-Segretarju tal-Kulleġġ tal-Kardinali, il-bniedem li se jmexxi ċ-ċelebrazzjonijiet Liturġiċi Pontifiċjali, seba’ ċerimonjaturi papali, l-ekkleżjastiku magħżul mill-kardinal li se jippresiedi l-Konklavi sabiex jassistih, żewġ reliġjużi Agostinjani li se jkunu assenjati fis-Sagristija Papali, diversi reliġjużi li jitkellmu lingwi differenti sabiex jamministraw is-sagrament tal-qrar, tobba u infermiera, ħaddiema tal-lifts fil-Palazz Appostoliku, il-ħaddiema risponsabbli mill-ikel u t-tindif kif ukoll dawk li jieħdu ħsieb il-fjuri, l-istaff tekniku u dawk li se jġorru l-eletturi minn Casa Santa Marta sal-Palazz Appostoliku, il-Kurunell u s-Sindku tal-Gwardja Żvizzera li se jkunu assenjati s-sorveljanza ħdejn il-Kappella Sistina, id-Direttur tas-Sigurtà u l-Protezzjoni Ċivili tal-Istat tal-Vatikan kif ukoll xi kollaboraturi oħra.
Kull individwu, spjegawlu s-sinifikat ta’ dan il-ġurament u wara dan iffirmah fil-preżenza tal-Kardinal Farrell u żewġ protonotarji appostoliċi bħala xiehda.
Persuna li tieħu dan il-ġurament twiegħed li qatt ma tiżvela xejn minn kwalunkwe ħaġa relatata direttament jew indirettament mal-votazzjoni u l-iskrutinju tal-elezzjoni tal-Papa sakemm mhux b’awtorizzazzjoni speċifika mill-Papa elett jew is-suċċessuri tiegħu. Dan il-ġurament jafferma wkoll il-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ apparat li jirrikordja, kemm diskors kif ukoll filmati, fejn min jinqabad jikser dawn l-obligazzjonijiet ikun skomunikat skont il-liġi tas-Santa Sede.
Din iċ-ċerimonja turi l-impenn tal-Knisja fejn tidħol il-kunfidenzjalità u s-santità tal-proċess li fih ikun elett il-papa u tassigura li dawk kollha involuti jżommu l-integrità tal-Konklavi.