Matul din il-ġimgħa u fil-jiem li ġejjin, 20 uffiċjal tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qegħdin jgħinu lill-awtoritajiet Griegi fit-tifi tan-nirien li qed ikunu kkaġunati minn temperaturi estremi u li qed iħallu impatt dirett f’bosta reġjuni tal-Greċja.
Bl-investimenti varji, illum pajjiżna għandu Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b’ħaddiema li mhux biss huma iżjed lesti u mgħammra biex jassistu f’sejħiet ta’ emerġenza lokali, iżda huma wkoll lesti biex meta pajjiżi oħra jkunu fi bżonn urġenti, huma jkunu lesti li jmorru barra minn xtutna biex jassistu f’sejħiet ta’ għajnuna internazzjonali.
Malta rrispondiet għas-sejħa taħt il-mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili tal-Unjoni Ewropea għall-Greċja hekk kif it-temperaturi estremi qed jikkawżaw nirien fil-foresti, fil-ħaxix u fl-għelieqi, kif ukoll pressjonijiet fuq is-sistemi tal-provvista tal-enerġija.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri għamel kuntatt mal-ħaddiema Maltin u rrikonoxxa l-impenn tagħhom hekk kif din kienet l-ewwel darba li d-Dipartiment bagħat kontinġent barra minn pajjiżna biex jipprovdi assistenza ta’ tifi tan-nar f’ċirkostanzi mill-aktar diffiċli u f’xenarji differenti għal kollox minn dak li joffri pajjiżna.
Il-Ministru Camilleri u l-ħaddiema tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom fil-Greċja, l-assistenza li huma qed joffru, u dwar kif bil-ħidma f’ċirkostanzi daqstant diffiċli u xi drabi kuntrastanti minn dak li joffru l-gżejjer Maltin, il-ħaddiema se jkunu qed iġibu lura magħhom dawn l-esperjenzi u taħriġ u anke jaqsmuhom mal-kollegi tagħhom. B’hekk id-dipartiment tal-Protezzjoni jibqa’ jkollu uffiċjali preparati u mħarrġa dejjem iżjed għal ċirkostanzi ta’ emerġenza varji.