Wara l-ewwel ftehim settorali li daħal fis-seħħ riċentament, l-uffiċjali taċ-ċentru tad-detenzjoni mhux biss raw titjib fil-kundizzjonijiet ta’ xogħlhom, iżda bdew joffru s-servizzi tagħhom maċ-Ċentri tal-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Persuni li qed ifittxu Ażil (AWAS). Dan filwaqt li qegħdin iwettqu xogħol ta’ rinovar u tisbiħ fiċ-ċentru tad-detenzjoni.
Dan qalu l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela waqt li kien qed jippreżenta ċertifikati lill-uffiċjali mis-servizzi tad-detenzjoni fuq taħriġ kontra n-nirien mogħti mill-Emergency Response and Rescue Corps.
Il-Ministru inkoraġixxa l-inizzjattiva tad-Dipartiment favur it-tisħiħ tal-ħiliet f’oqsma utli għal qadi ta’ dmirijiethom, b’mod partikolari fejn iż-żminijiet ikunu jippermettu.
Semma’ kif il-ħaddiema tad-Dipartiment huma persuni li esperjenzaw il-kriżi umana tal-immigrazzjoni mill-viċin u għexu żmien fejn Malta kienet qed tilqa’ għal din l-isfida waħedha, u li huwa importanti li jkollhom għarfien dwar id-diskussjonijiet li għaddejin fuq livell Ewropew.