L-Uffiċjali Maltin kollha tal-Korp tal-Pulizija msieħba fil-Police Officers Union u l-Malta Police Association approvaw b’vot unanimu l-ftehim settorjali ġdid għall-Korp tal-Pulizija, b’hekk kollox qed jindika li l-ftehim mistenni jigi ffirmat nhar it-Tnejn li ġej.
Issa fadal biss l-uffiċjali Għawdxin li llejla se jivvutaw għal dan il-ftehim imsejjaħ storiku, dan għaliex għall-ewwel darba, sar b’konsultazzjoni maż-żewġ unions tal-Pulizija li twaqqfu fil-leġiżlatura li għaddiet.
F’sensiela ta’ laqgħat li saru fl-aħħar jiem f’Malta, iż-żewġ Presidenti tal-Unions, l-Ispetturi Sandro Camilleri u Malcolm Bondin, ippreżentaw lill-membri l-ftehim settorjali kif miftiehem mal-Gvern. Ftehim li jekk iffirmat se jkollhu diversi benefiċċji għall-Kuntistabbli, Surġenti, Maġġuri, Spetturi u Supretendenti.
Kien il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar li f’Lulju li għadda f’programm fuq ONE żvela li għall-ewwel darba, il-Pulizija se jibdew jaħdmu 40 siegħa flok 46 siegħa meta jiġi ffirmat dan il-ftehim.
L-aħħar ftehim settorjali kien ġie ffirmat fl-2012 u kien sar f’kamra magħluqa bejn ftit min-nies, filf-att ħafna nies jgħidu li dan qatt ma seta kien ta’ beneficċju kbir għall-membri tal-Korp, għaliex fih ma setghux isemmgħu leħinhom, bħal ma sar taħt din l-amministrazzjoni.