L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ċaħad kategorikament dak li ġie allegat mill-għaqda Repubblika.
Dan sar permezz ta’ stqarrija li wieġbet għal stqarrija tal-istess għaqda li allegat li l-Prim Ministru Robert Abela ta struzzjoni lil xi Uffiċjali tal-Pulizija biex ma jinterrogawx persuni li ġew indizzjati fl-inkjesta maġisterjali dwar konċessjoni lil Vitals Global Healthcare u Steward Healthcare.
Il-Prim Ministru jiċħad kategorikament u bl-aktar mod assolut li qatt ta’ xi direzzjoni simili għal kif ġie malizzjożament irrappurtat. Dan ukoll bla ma imqar saret verifika mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru qabel ġie ppubblikat ir-rappurtaġġ, li juri kemm l-intenzjoni ma kinitx ta’ rappurtagg fattwali u veritier.
Id-deċiżjonijiet dwar min jiġi interrogat jew le, u dwar min jitressaq quddiem il-Qorti ta’ ġurisdizzjoni kriminali jew le huma esklussivament f’idejn il-Pulizija Eżekuttiva u l-Avukat Ġenerali, u l-Prim Ministru kien kompletament estraneju għal dawn id-deċizjonijiet li ttiehdu, u b’ebda mod ma ndaħal fil-funzjonijiet tal-istituzzjonijiet imsemmija.
Hawn ġie rrimarkat kif, pajjiżna taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela għadda minn sensiela ta’ riformi favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt fejn istituzzjonijiet differenti jaħdmu b’mod awtonomu u mingħajr biża’ jew favur. Riformi li twettqu u qed ikomplu jitwettqu ġew rikonoxxuti minn istituzzjonijiet Ewropej tant li fl-aħħar rapport tagħha, il-Kummissjoni Ewropea nnutat titjib u żvilupp notevoli fit-tishih tas-saltna tad-dritt. Dan wara snin twal minn amministrazzjonijiet preċedenti fejn ix-xejn u n-nolle prosequi arbitrarju kien ir-regola u l-Gvern kien anke jispiċċa fl-interrogation room tad-Depot.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru temm jgħid kif għall-kuntrarju, il-Gvern ta’ Robert Abela jibqa’ impenjat li jkompli jsaħħaħ is-saltna tad-dritt u jinvesti fir-riżorsi tal-Korp tal-Pulizija biex dan ikompli jsaħħaħ l-effiċjenza u l-effettività fl-operat indipendenti tiegħu u mingħajr indħil.