L-Uffiċċju tal-Ombudsman Parlamentari u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim (MOU) biex itejbu l-kooperazzjoni ta’ bejniethom u flimkien ikomplu jippromwovu l-governanza tajba fl-amministrazzjoni pubblika.
Dan l-MoU jistabbilixxi qafas għall-kollaborazzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet ta’ sorveljanza kostituzzjonali, li jiffoka fuq it-titjib tat-trasparenza, il-kontabilità u l-integrità fl-operat tal-ministeri, dipartimenti u entitajiet pubbliċi.
L-iskop tal-ftehim jinkludi:
• Skambju ta’ informazzjoni mhux ta’ natura personali li hija rilevanti għax-xogħol taż-żewġ entitajiet, bi protokolli stretti dwar il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni ma’ partijiet terzi li jeħtieġu minn qabel il-kunsens bil-miktub.
• Kollaborazzjoni fuq proġetti konġunti, inklużi inizjattivi ta’ riċerka u seminars edukattivi, immirati biex jixprunaw l-effiċjenza u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika.
• Koordinazzjoni dwar reviżjonijiet ta’ policy u titjib proċedurali biex jittejbu l-oqsma ta’ governanza u kontabilità.
• Kondiviżjoni ta’ deċiżjonijiet jew riżoluzzjonijiet ta’ korpi internazzjonali li huma ta’ interess reċiproku u li tagħhom huma membri ż-żewġ entitajiet.
Id-dispożizzjonijiet tal-MoU jenfasizzaw iż-żamma tal-indipendenza professjonali u l-kunfidenzjalità stretta fil-ħidma kollha li titwettaq, f’konformità mal-aħjar prattiċi u l-leġiżlazzjoni pertinenti.
L-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, enfasizza s-sinifikat ta’ dan il-ftehim, billi stqarr, li din hija ġurnata oħra importanti għaż-żewġ uffiċċji kostituzzjonali tagħna, li jirrappurtaw direttament lill-Parlament, fejn essenzjalment it-tnejn ifittxu li jsaħħu l-governanza tajba fis-settur pubbliku, fl-aħħar mill-aħħar fl-aħjar interess taċ-ċittadini tagħna. Żied jgħid li ż-żewġ uffiċċji huma determinati li jassiguraw li dan il-ftehim eventwalment iwassal għal inizjattivi prattiċi u tanġibbli sabiex l-għanijiet tiegħu jkunu jistgħu jintlaħqu kif xieraq.
L-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon, l-Ombudsman Parlamentari, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-ispirtu kollaborattiv tad-diskussjonijiet li wasslu għall-MoU. Hu sostna illi dan il-ftehim huwa pass importanti lejn it-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u kontabilità fl-amministrazzjoni pubblika. Hija affermazzjoni għall-impenn tal-uffiċċji tagħna li nħarsu l-prinċipji ta’ governanza tajba.
Iż-żewġ uffiċċji huma impenjati li jimplimentaw l-MoU bl-akbar diliġenza u ser jaħtru uffiċjali għolja biex jaraw li jkunu konformi u effettivi ma’ dan l-arranġament kollaborattiv.