L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qiegħed isegwi b’reqqa ir-rapporti fil-midja, dwar persuni, inkluż il-familji tagħhom, li qegħdin jiffaċċjaw ir-riskju ta’ deportazzjoni wara li dawn ilhom f’Malta għal numru ta’ żmien.
L-Uffiċċju jħeġġeg lill-Gvern u l-awtoritajiet relevanti sabiex jipproċedu b’kawtela u jisħaq, fuq il-pożizzjoni tiegħu, li l-migranti li ilhom ġewwa Malta u li integraw fis-soċjetà Maltija għandhom jingħataw pożizzjoni aktar definita u permanenti sabiex it-tfal jingħataw aċċess xieraq lid-drittijiet tagħhom hekk kif imniżżel fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, inkluż id-dritt tat-tfal għall-edukazzjoni, fost drittijiet oħrajn.
Tfal imwielda f’Malta, irrispettivament mill-istatus tagħhom, jafu biss dan il-pajjiż bħala darhom u għalhekk nemmnu li huwa fl-aħjar interess tat-tfal migranti, li l-istatus tal-familja kollha għandu jiġi regolarizzat, sabiex dan jissalvagwardja d-dritt fundamentali li jgħixu mal-familja tagħhom.
Din ir-regolarizazzjoni ma għandiex tkun limitata biss għal dawk it-tfal imwielda f’Malta imma anke għal dawk it-tfal migranti, li twieldu f’pajjiżi oħra u li stabilixxew lilhom infushom ġewwa Malta u integraw fis-soċjetà, irrispettivament jekk igawdux jew le minn protezzjoni internazzjonali. L-ebda tifel jew tifla ma għandhom jgħixu f’biżà kontinwa ta’ deportazzjoni u għandhom dritt li jgħixu f’ambjent bla periklu u sigur.