L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal esprima d-diżappunt tiegħu dwar it-tilwima industrijali li għaddejja fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja.
Wara stqarrija li ħareġ dan l-Uffiċċju fejn ħeġġeġ lil dawk kollha involuti biex jsibu soluzzjoni fl-aħjar interessi tat-tfal ħalli ma ssirx aktar ħsara fuq it-tfal u d-dritt tagħhom għal Edukazzjoni ta’ Kwalità, ONE News tkellem mal-Kummissarju għat-tfal Antoinette Vassallo.
Hija rreferiet ukoll għall-azzjonijiet industrijali li qed tagħmel il-Unjin Maltija tal-Għalliema, l-MUT, fosthom bi strajk ta’ ġurnata nhar it-Tnejn li ġej.
“Nemmen li kemm jista’ jkun nixtieq li jsolvuha mill-aktar fis possibbli, għax finalment it-tfal ikunu qegħdin ibatu. Hi biżżejjed li t-tfal għaddew minn pandemija u batew ħafna u fil-verità xi ħaġa bħal din qed taffettwahom, għax jiena rċevejt anke ittri minn xi ġenituri fejn qaluli li anke l-parents day tħassret, l-assessment ma sarx. Allura jiena ngħid, kemm jista’ jkun, ejja jsibu soluzzjoni t-tnejn li huma kemm min-naħa tat-teachers u anke min-naħa tal-Gvern li dejjem ifittxu l-aħjar interess, speċjalment għat-tfal tagħna biex it-tfal ma jbatux fejn tidħol l-edukazzjoni. Dak hu dritt tagħhom li huma għandhom igawdu.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, nhar is-Sibt li għadda sostna li dawn l-azzjonijiet industrijali mhumiex f’lokhom u qed jolqtu ħażin lill-istudenti, kif anke saħaq l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal.
Anke l-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilità (CRPD) tkellmet f’dan ir-rigward fl-aħħar jiem. Fil-fatt il-Kummissarju responsabbli, Rhoda Gharland, talbet lill-MUT biex tirrikunsidra d-direttivi industrijali li qed jolqtu ħażin fl-iskejjel lit-tfal b’diżabilità.
Gharland kitbet lill-President tal-MUT, Marco Bonnici, biex jirtira azzjoni imposta fuq l-għalliema li waqfu jgħarrfu lill-ġenituri ta’ tfal dwar dak li jkun sar fil-klassi.