Il-membru Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri Leo Brincat qal li Malta tista’ tkun f’qagħda aħjar li tagħmel użu mill-fondi Ewropej biex tkompli tistimola l-impjiegi fis-settur privat.
Is-Sur Brincat qal dan waqt żjata li għamel fl-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali meta ppreżenta r-rapport anwali li janaliżża l-infiq tal-fondi tal-Unjoni Ewropea.F’laqgħa miftuħa għall-ġurnalisti is-Sur Brincat saħaq li l-Uffiċċju tal-Awditur f’pajjiżna qed jagħmel xogħlu sew.
Ir-rapport inkluda wkoll referenzi dwar il-fondi allokati għall-Pjan Juncker li għamel użu minnhom pajjiżna. Dan hekk kif minn sitt miljuni allokati fl-2016, fl-2017 Malta żiedet dan l-ammont għal 11-il miljun ewro.
Is-Sur Brincat tkellem ukoll dwar it-twaqqif tal-Bank tal-Iżvilupp li ser ikun qed jgħin fil-ħolqien tal-impjiegi permezz ta’ fondi Ewropej.
Huwa qal li l-Qorti Ewropea issa qed tħares lejn il-qasam tal-Blockchain u tal-Intelliġenza Artifiċjali sabiex fi ftit żmien jibdew jgħinu lill-Unjoni Ewropea tkun iktar effettivá biex tikkontrolla n-nefqa tagħha.
L-Awditur Ġenerali, Charles Deguara faħħar il-ħidma li qed issir fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni li qed jagħmel l-uffiċċju tiegħu lill-entitajiet governattivi bil-għan li jżidu t-trasparenza u l-kontabbiltà fl-infiq tagħhom.