Bejn l-4 u l-5 ta’ April l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) organizza f’Malta t-tlettax-il laqgħa tal-EUROSAI IT Working Group li preżentament hu mmexxi mis-Supreme Audit Office tal-Polonja.
Fid-diskors tal-ftuħ, Charles Deguara, Awditur Ġenerali, ta merħba lid-69 parteċipant minn 30 istituzzjoni nazzjonali tal-verifika flimkien mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u ta ħarsa ħafifa lejn ix-xogħol li qed isir mill-IT Audits Unit fl-NAO. Irrefera għal ISSAI 5300 li essenzjalment tipprovdi qafas ġenerali ta’ kif għandhom isiru IT audits; kemm dawk li huma stand alone, dawk li jsiru b’kollaborazzjoni ma’ performance kif ukoll financial and compliance audit units. Min-naħa tiegħu, Krzysztof Kwiatkowski, President tas-Supreme Audit Office tal-Polonja, irringrazzja lill-NAO ta’ Malta li ospitat din il-laqgħa u qal li l-uffiċċju tiegħu hu sodisfatt bix-xogħol li sar matul il-Presidenza tal-uffiċċju tiegħu li issa waslet fi tmiemha.
Janar Holm, Awditur Ġenerali tan-National Audit Office tal-Estonja li se jieħu l-Presidenza ta’ dan l-IT Working Group, attenda wkoll din il-laqgħa. Ma naqasx li jesprimi l-apprezzament tiegħu għall- organizzazzjoni eċċellenti kif ukoll għall-ospitalità murija mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ta’ Malta.
Is-suġġetti diskussi matul din il-laqgħa kienu jinkludu, fost oħrajn, analiżi tas-sistema tal-IT Self Assessment kif ukoll partijiet saljenti ta’ ISSAI 5800dwar cooperative audits.
Ritratti: NAO