L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ippubblika rapport dwar il-kuntratti eżistenti bejn il-Gvern u l-organizzazzjoni mhux governattiva Richmond Foundation Malta. Dan sar fuq talba tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, li ġiet approvata mill-Ministru għall-Finanzi fil-5 ta’ Marzu 2015.
Ir-Rapport jiffoka fuq ħames kuntratti bejn il-Fondazzjoni Richmond u erba’ entitajiet governattivi, li jinkludu sitt servizzi relatati mal-kura tas-saħħa mentali, u li kienu fis-seħħ matul l-2014 u l-2015.
L-awditu nnota li l-klijenti tal-programmi provduti mill-Fondazzjoni u finanzjati mill-Gvern, ibbenefikaw minn servizzi professjonali, li ġeneralment issodisfaw kriterji ta’ valur għall-flus. Madankollu, l-effiċjenza ekonomika ta’ tliet programmi ewlenin – il-programm ‘Kids in Development’, il-programm Villa Chelsea Rehabilitation Programme and Respite u l-programm Employment for All’– setgħet tjiebet li kieku dawn tħaddmu għall-kapaċità massima stipulata fil-kuntratti relattivi.
Għalkemm xi kuntratti stabbilixxew il-pagamenti massimi dovuti, f’żewġ każijiet – fil-programm Villa Chelsea Rehabilitation Programme and Respite u l-programm Supportive Housing Scheme – ma indikawx in-numru ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-programmi provduti. Barra minn dan, dawn il-kuntratti ma għamlux referenza dwar aġġustamenti fil-ħlasijiet f’każ li n-numru ta’ klijenti jonqos sostanzjalment. Tlieta mill-kuntratti wkoll ma jagħmlux referenza għall-ħlas dovut lill-Fondazzjoni mill-klijenti. Aktar minn hekk, il-kuntratti kollha, f’livelli varji, iħallu barra klawsoli meqjusa bħala prattiċi kuntrattwali tipiċi.
Din il-verifika tirrikonoxxi l-valur soċjali tal-programmi provduti mill-Fondazzjoni Richmond, speċjalment għal persuni li għamlu użu minn dawn is-servizzi. Dan ir-Rapport jagħmel numru ta’ rakkomandazzjonijiet, fejn jipproponi li flimkien mal-isforzi tal-entitajiet governattivi u l-NGO konċernata, jissaħħu l-klawsoli kuntrattwali sabiex tiġi żgurata s-sostennibilità tas-servizzi relatati mal-kura tas-saħħa mentali fil-komunità.