It-temp f’pajjiżna llum huwa msaħħab, ċlampu u mdaħħan, bix-xita tal-ħamrija. L-Uffiċċju Metereoloġiku ta’ Malta fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta spjega lil ONE news li sistema ta’ pressjoni baxxa li qiegħda lejn in-Nofsinhar ta’ Malta hija mistennija timxi ’l fuq lejn in-naħa t’isfel tal-Italja.
B’riżultat ta’ dan, nistgħu nistennew li r-riħ idur mill-Punent Majjistru u li nesperjenzaw aktar temp instabbli. L-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed jistenna li joħroġ twissija ta’ riħ qawwi aktar tard illum waranofsinhar.
Ir-riħ huwa mistenni li jbatti f’nofs il-ġimgħa, hekk kif għal filgħaxija huwa mbassar riħ ħafif mill-Punent.
Il-veloċità tar-riħ medja għal Mejju 2023, sa issa, kienet ta’ 10.1 knots, jiġifieri kumparabbli man-norma klimatika maħduma fuq 30 sena.
Intant, siti Taljani qed jirrapportaw li s-sitwazzjoni tat-temp hija inċerta ħafna minħabba l-preżenza ta’ żona ta’ dipressjoni fil-qalba tal-Mediterran. Din is-sitwazzjoni ta’ pressjoni baxxa qed tolqot lil Sqallija, Calabria u Campania b’maltempati bir-ragħad u maltempati qawwija, iżda wkoll buffuri vjolenti ta’ riħ. It-temperaturi wkoll huma taħt il-medji tipiċi f’dan il-perjodu fl-Italja.
Ritratt: Maltese Islands Weather