L-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta investa f’żewġ stazzjonijiet awtomatizzati ġodda tat-temp, biex b’hekk issa għandu 10 stazzjonijiet mifruxa b’mod strateġiku madwar il-gżejjer Maltin.
Wieħed mill-istazzjonijiet tat-temp ġie installat fil-Mosta, lokalità fiċ-ċentru ta’ Malta u li sa issa, dwarha, l-Uffiċċju Meteoroloġiku u anke l-pubbliku ma setax ikollhom biżżejjed informazzjoni f’dak li jirrigwarda l-parametri tat-temp.
Installat f’San Lawrenz, it-tieni stazzjon tat-temp se jkun qed jgħin lill-Uffiċċju Meteoroloġiku biex jifhem aħjar ix-xejriet tat-temp tal-gżira Għawdxija, hekk kif fost l-oħrajn se jkun l-ewwel stazzjon li jirreġistra kundizzjonijiet meteoroloġiċi li jġib miegħu r-riħ li jonfoħ mill-Majjistral.
Minħabba l-fatt li l-kundizzjonijiet tat-temp jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti minn post għall-ieħor, iż-żewġ stazzjonijiet ġodda, flimkien ma’ dawk f’Bengħajsa, f’Ħad-Dingli, fil-Belt Valletta, fl-Imsida, f’Selmun, fix-Xagħra, fix-Xewkija u f’Ħal Luqa, se jkunu jistgħu jiġbru aktar informazzjoni dwar it-temp u jgħinu għal evalwazzjoni aktar komplut tas-sitwazzjoni klimatoloġika f’Malta.
Iż-żewġ stazzjonijiet huma mgħammra b’tagħmir u sensors avvanzati li jkejlu x-xita, it-temperatura, l-umdità, in-nida, u anke l-qawwa u d-direzzjoni tar-riħ. Aġġornamenti kontinwi dwar il-parametri tat-temp mill-10 stazzjonijiet huma disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
L-Uffiċċju Meteoroloġiku jixtieq jirringrazzja lill-amministrazzjoni tal-Iskola Sekondarja tal-Mosta fiż-Żokrija u anke tal-Iskola Primarja ta’ San Lawrenz li aċċettaw li ż-żewġ stazzjonijiet awtomatizzati jiġu installati fuq il-binjiet tal-iskejjel rispettivi.
L-Uffiċċju Meteoroloġiku ilu mill-1922 jipprovdi s-servizzi tat-temp għall-gżejjer Maltin u matul is-snin investa f’tagħmir avvanzat biex ikun jista’ jiġbor aktar informazzjoni meteoroloġika u jipprovdi lill-pubbliku u anke industriji partikolari tbassir tat-temp dejjem iżjed preċiż.