Fi stqarrija mill-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini b’referenza għall-osservazzjonijiet tal-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar datati 3 ta’ Settembru 2019, il-Kap tal-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini jixtieq jirribatti dak li diġà kien spjegat lill-Kummissarju fil-ġimgħat li għaddew.
B’kuntrast għal dak li l-Kummissarju qed isostni fir-rapport tiegħu, fl-istqarrija l-uffiċju jistqarr li,”la dan l-uffiċċju u wisq anqas il-Ministeru ma ddelegaw ebda setgħa mogħtija lilhom fl-Att dwar ir-regolamenti tal-bini lill-Malta Developers Association“.
Huma qalu li l-MDA (Malta Developers Association) kienu mistiedna jiġbru informazzjoni dwar x’ħiliet jeżistu fis-suq tal-kuntratturi u x’ħiliet jirrikjedi s-suq emerġenti.
Dan sar bl-intenzjoni li l-Gvern ikun f’pożizzjoni aħjar li jfassal regolamenti biex jirregolaw ir-reġistrazzjoni ta’ kuntratturi hekk kif mitlub fl-Artikolu 4(1) tal-Att dwar ir-Regolamenti tal-Bini.
Għal din ir-raġuni, l-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini staqsa kif il-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar wasal għall-konklużjoni li l-uffiċċju ddelega xi poter mhux awtorizzat bil-liġi.
L-istqarrija kompliet tgħid li r-rapport tal-Kumissarju qed jinterpreta ir-reġistrazzjoni tal-kuntratturi fil-lista tal-MDA bħala r-reġistrazzjoni li trid issir mal-awtoritajiet ai termini tal-Artikolu 4(1) tal-att.
L-uffiċċju spjega li tali reġistrazzjoni għadha trid issir permezz ta’ regolamenti li għad iridu jiġu mfassla. L-eżerċizzju li qed twettaq il-Malta Developers Association ser ikun qed jgħin biex il- Gvern jifhem aħjar kif għandu jfassal dawn ir-regolamenti.