Ġie ffirmat ftehim bejn l-Ambaxxatur Walter Haßmann, f’isem l-Uffiċċju Federali għall-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, u l-Professur Godfrey Pirotta, Chairperson tal-Akkademja tal-Mediterran għall-Istudji Diplomatiċi f’Malta. Dan il-ftehim se jara aktar investiment fl-akkademja kif ukoll il-kontinwazzjoni taċ-Chairman Ġermaniż għall-Istudji tal-Paċi u l-Prevenzjoni tal-Kunflitti fil-MEDAC li tkompli tikkonferma l-interess tal-Ġermanja fir-reġjun tal-Mediterran.
Il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela fil-bini tal-ministeru fil-Belt Valletta. Il-Ministru Abela qal b’sodisfazzjon li fl-aħħar 30 sena tat-twaqqif tal-MEDAC, studenti minn 31 pajjiż ibbenefikaw minn boroż ta’ studju offruti mill-MEDAC. 35% ta’ dawn l-istudenti ġejjin mill-Ewropa, 23% ġejjin mill-Afrika ta’ Fuq u 25% ġejjin mill-Lvant Nofsani. Qal li dan jafferma l-importanza tal-MEDAC fit-taħriġ tad-diplomatiċi, mhux biss għal Malta, iżda wkoll għall-pajjiżi tal-Mediterran u lil hinn. Żied li llum il-ġurnata bosta alumni tal-MEDAC jokkupaw karigi għoljin fi gvernijiet nazzjonali u reġjonali kif ukoll f’istituzzjonijiet internazzjonali.
Waqt kien qed jitkellem fuq il-ftehim iffirmat, Carmelo Abela qal li dan jirrikonoxxi r-relazzjonijiet qawwija li bħalissa jeżistu bejn Malta u l-Ġermanja. Skont il-Ministru, “il-kooperazzjoni fuq il-MEDAC hi parti żgħira iżda importanti ta’ din ir-relazzjoni b’saħħitha”. Il-Ministru żied jgħid li dan il-ftehim jafferma li kemm Malta kif ukoll il-Ġermanja jirrikonoxxu l-importanza vitali tar-reġjun speċjalment fir-rigward tal-aħħar żviluppi politiċi u l-ħtieġa ta’ relazzjonijiet Ewro-Mediterranji b’saħħithom u li jikkoperaw.
“F’dawn iż-żminijiet diffiċli, il-MEDAC tibqa’ istituzzjoni unika u indispensabbli fir-reġjun kemm għall-preżent u għall-futur, li tippromwovi l-ugwaljanza, id-demokrazija u l-ġlieda kontra l-faqar”, ikkonkluda l-Ministru Abela waqt li tenna l-appoġġ tal-gvern għall-MEDAC biex tħares ’il quddiem u tilħaq orizzonti ġodda. Dan meta wieħed jinnota l-kwalità għolja ferm tat-taħriġ u tar-riżorsa umana f’termini tal-grupp akkademiku u tal-istudenti.
Ritratti (MFTP)