Il-kollezzjoni ta’ files ġenerali tal-Uffiċċju Elettorali bejn l-1944 u l-1964 ġiet depożitata ġewwa l-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta dalgħodu.
Il-Kummissarju Elettorali Ewlieni Joe Church għadda l-1,192 file li jiġbru l-ħidma tal-Uffiċċju Elettorali matul dawn l-20 sena lill-Arkivji Nazzjonali sabiex dawn ikunu mħarsa u jiġu miftuħa għar-riċerkaturi akkademiċi u għall-pubbliku inġenerali.
Huwa spjega kif il-perjodu bejn l-aħħar Gwerra u l-Indipendenza kien wieħed partikulari fl-iżvilupp politiku tal-istat Malti.
“Minbarra l-ħidma ordinarja marbuta mas-seba’ elezzjonijiet li saru f’dan il-perjodu, dawn il-files jixhdu l-ħidma tal-Kummissjoni marbuta mad-dħul tal-vot lin-nisa kif ukoll l-amministrazzjoni ta’ żewġ referenda ewlenin fl-istorja politika riċenti ta’ Malta: dak dwar l-Integration mar-Renju Unit (Frar 1956) u l-ieħor dwar l-Indipendenza (Mejju 1964),” qal Church.
Il-Kummissarju Elettorali Ewlieni qal ukoll li l-Uffiċċju Elettorali huwa impenjat li jkompli jiddepożita dokumentazzjoni li żviluppat wara dawn is-snin fl-Arkivji Nazzjonali.
L-Arkivista Nazzjonali Dr Charles Farrugia stqarr li “huwa sinjifikanti li dan il-pass qed isir matul il-Ġimgħa għall-Għarfien dwar l-Arkivji. Nirringrazzja l-Kummissjoni Elettorali għall-koperazzjoni kbira li sibna sabiex bħala Arkivji Nazzjonali nkomplu nwettqu d-dmirijiet tagħna: kemm dak li nħarsu l-memorja nazzjonali kif ukoll li nagħmluha aċċessibli.”
Dawn id-dokumenti ser ikunu miftuħa għar-riċerka minn nhar it-Tnejn 10 ta’ Ottubru fl-Arkivji Nazzjonali fir-Rabat.