L-Ewroparlamentari Alfred Sant qal li huwa fl-interess tal-UE u tar-Renju Unit li jintlaħaq qbil u li jkun hemm relazzjonijiet tajbin bejn iż-żewġ naħat wara l-Brexit.
Sant qal dan waqt intervista fi Brussell mal-ġurnaltist Georg Von Harrach tal-istazzjon televiżiv Britanniku Channel 4 wara li kien żvelat il-pjan tal-gvern Britanniku dwar l-immigrazzjoni. Immedjatament wara l-Brexit il-pjan tar-Renju Unit mistenni jwaqqaf il-moviment ħieles tal-ħaddiema u jintroduċi restrizzjonijiet għad-dħul tal-ħaddiema kollha ħlief dawk li għandhom ħiliet għoljin.
Dr Sant qal li t-ton tal-proposti Britanniċi se jwebbsu l-pożizzjoni ta’ ċertu stati membri, speċjalment dawk tal-Lvant tal-Ewropa, li fl-istadji bikrin kienu jkunu simpatetiċi ħafna għall-Brexit.
“Min-naħa l-oħra ż-żewġ partijiet għandhom x’jitilfu u x’jiggwadanjaw. Il-Ġermaniżi u l-Franċiżi għandhom jiggwadanjaw fis-servizzi finanzjarji li se jkunu qed jitilfu l-Britanniċi. Fil-qasam tal-kummerċ tal-oġġetti – iż-żewġ naħat għandhom x’jitilfu u x’jiggwadanjaw. Kull parti se tkun qed tagħmel il-kalkoli tagħha biex timxi ’l quddiem. Attwalment jidher li l-Ewropa qed tagħmel il-kalkoli tagħha bħala blokk, kif filfatt hi, iżda meta jsir iż-żmien għad-dettalji se jkun hemm perspettivi differenti wkoll.”
Mistoqsi dwar il-kunċett li r-Renju Unit jirrestrinġi l-immigrazzjoni għal perijodu transitorju u fl-istess ħin igawdi mill-benefiċċji kummerċjali attwali, Dr Sant qal li hawnhekk qegħdin f’territorju ġdid.
“Ir-Renju Unit se jipprova jieħu l-aħjar ftehim filwaqt li l-Ewropej se jirrestrinġu dan u jiksbu huma l-aħjar ftehim. Għalhekk f’dan l-istadju għad ma hemm xejn definit. Iż-żewġ naħat qed ifasslu l-punti ta’ negozjar fid-dettall. Se jkollhom joħorġu b’deċiżjonijiet li jirriflettu s-saħħa politika tagħhom.”
Dr Sant qal li r-Renju Unit qed jipprova jdaħħal restrizzjonijiet fuq il-moviment ħieles tal-ħaddiema waqt li jibqa’ jgawdi t-tliet drittijiet l-oħra li jiġu bi sħubija fl-UE.
“Jista’ jkun li r-Renju Unit ma jirnexxilux fuq dan il-punt imma min-naħa l-oħra hemm aktar affarijiet miftuħin għad-diskussjoni bħal ftehim finanzjarju, bħall-Irlanda, bħall-punti l-oħra kollha relatati mas-servizzi finanzjarji, is-sigurta` u t-terroriżmu. Għalhekk id-deċiżjonijiet ma jistgħux jittieħdu fuq kapitlu wieħed mingħajr dħul dettaljat f’kapitli oħra. F’dan il-mument xejn ma jista’ jkun eskluż għax in-negozjati fl-Ewropa jibqgħu għaddejjin sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu fejn fl-aħħar tinstab xi tip ta’ soluzzjoni li tkun għaġna ta’ pożizzjonijiet differenti.”
“Mistoqsija tal-aħħar bħala eks-Prim Ministru, x’taħseb mit-tattiċi Britanniċi fin-negozjati sa issa?” staqsa l-ġurnalist ta’ Channel 4 lil Dr Sant.
“Ifakkruni fit-tattiċi li kienet tuża Malta fis-snin sebgħin mal-Britanniċi fuq l-użu ta’ bażi militari fuq il-Gżira. Tibda minn pożizzjoni b’saħħitha u kull ma jmur tinnegozja.” qal Dr Sant.