Wara 20 sena negozjati l-Unjoni Ewropea u l-blokk ekonomiku fin-Naħa t’Isfel tal-Amerika magħruf bħala Mercosur, li jgħaqqad l-Arġentina, il-Brażil, l-Urugwaj u l-Paragwaj, fasslu ftehim kummerċjali ġdid li mistenni jwassal fost l-oħrajn għal prezzijiet orħos fuq diversi prodotti. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal li dan huwa l-akbar ftehim tal-kummerċ li għandha l-Unjoni Ewropea s’issa, li fi żmien ta’ tensjoni bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina juri li l-Ewropa hija dejjem favur kummerċ abbażi ta’ regolamenti.
Il-President Brażiljan Jair Bolsonaro ddeskriva dan il-fethim bħala wieħed storiku u fost l-aktar kruċjali. Il-ftehim mistenni jelimina tariffi żejda fuq il-kummerċ biex il-prodotti esportati jinbiegħu bi prezz orħos lill-klijenti. Fl-istess ħin se jiżdiedu l-esportazzjonijet minn kumpaniji miż-żewġ naħat. Mat-tmien mitt miljun klijent mistenni jkun milqut b’mod dirett min dan il-ftehim.