L-Unjoni Ewropea qed twissi li l-prezzijiet tal-enerġija fix-xitwa li ġejja se jerġgħu jisplodu ’l fuq. Irrapporta dwar is-sit awtorevoli Politico hekk kif intqal li uffiċjali fi Brussell qed iwissu dwar dan.
Dan fid-dawl li, sal-aħħar ta’ din is-sena, jintemm il-ftehim bejn ir-Russja u l-Ukrajna, li l-gass Russu jgħaddi lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ pipeline li jgħaddi minn ġo l-Ukrajna. Dan il-ftehim daħal fis-seħħ fl-2019 u kompla għaddej minkejja l-gwerra bejn iż-żewġ pajjiżi.
L-Ukrajna qalet li m’għandha l-ebda interess li terġa’ ġġedded dan il-ftehim u l-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija, Kadri Simson, sostniet li l-Unjoni Ewropea m’għandha l-ebda interess biex jerġa’ jiġi mġedded dan il-ftehim.
B’dan se jfisser li se jintlaqgħtu bosta pajjiżi Ewropej, hekk kif għad għandhom dipendenza fuq il-gass Russu għall-provvista tal-enerġija.
Din il-kriżi tal-enerġija bdiet mal-invażjoni Russa fl-Ukrajna fi Frar tal-elfejn tnejn u għoxrin (2022), hekk kif il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kienu dipendenti fuq il-gass Russu għall-provvista tal-enerġija.
Matul din il-kriżi tal-enerġija, il-Gvern Malti ssussidja u żamm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli kemm għall-familji kif ukoll għan-negozji Maltin u Għawdxin.
Din is-sena, fost oħrajn, il-Gvern investa tliet mija u ħamsin miljun ewro biex il-kont tad-dawl u l-prezzijiet fil-pompi tal-petrol ma jogħlewx.