L-Unjoni Ewropea jrid jirnexxilha tindirizza b’suċċess il-fatturi li qed ixekklu r-ritorn u r-rijammissjoni lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom, lil dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil iżda li ma jikkwalifikawx għall-protezzjoni. B’hekk inqas nies jaqgħu fin-nasba tat-traffikanti tal-bnedmin għax jaħsbuha aktar minn darbtejn qabel ma jiddeċiedu li jimbarkaw għal vjaġġ perikoluż bil-baħar lejn l-Ewropa, qal il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela.
Il-Ministru kien qed jiddiskuti mal-Ambaxxatur il-ġdid tar-Repubblika Federali tal-Awstrija għal Malta Michael Schwarzinger, u l-Attaché tad-Difiża Awstrijak għal Malta, il-Kurunell Nikolaus Rottenberger, li għamlu żjara ta’ kortesija lill-Ministru nhar il-Ġimgħa, 17 ta’ Ġunju 2016. L-Ambaxxatur Schwarzinger, li huwa bbażat Vjenna, ippreżenta l-ittri tal-kredenzjali tiegħu lill-President ta’ Malta l-Ħamis. Il-Kurunell Rottenberger huwa bbażat Ruma.
“L-UE trid tibqa’ tiffoka fuq il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni fil-pajjiżi tal-oriġini billi taħdem biex tiżgura li f’dawk il-pajjiżi jkun hemm l-istabbiltà politika u l-iżvilupp,” irrimarka l-Ministru. “Il-komunikazzjon li għadha kif ħarġet il-Kummissjoni Ewropea dwar qafas ġdid ta’ sħubija ma’ pajjiżi terzi bħala parti mill-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni hija pass fid-direzzjoni t-tajba.”
Meta rrefera għall-istatistika maħruġa mill-Eurostat il-Ħamis li klassifikat lil Malta bħala t-tielet l-aktar stat membru tal-UE bl-ogħla rata ta’ nies li applikaw biex jitolbu l-ażil għall-ewwel darba fl-ewwel trimestru tal-2016 meta wieħed iqis il-populazzjoni, il-Ministru qal li l-ażil huwa prijorità importanti fuq l-aġenda ta’ Malta: “Jinħtieġ li nindirizzaw il-fenomenu tal-migrazzjoni flimkien, fil-livell Ewropew u f’dak dinji. Il-migrazzjoni se tkun prijorità waqt il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-UE, u se nkunu qed nibnu fuq ix-xogħol li se jkun sar mill-Presidenza Slovakka fis-sitt xhur li ġejjin. Fil-Presidenza tagħha Malta se tara li l-element estern tal-migrazzjoni jingħata l-attenzjoni dovuta, minħabba li dan jaffettwa bil-kbir il-politika interna tal-Unjoni f’dan il-qasam.”
Ritratti: MHAS