L-Unjoni Ewropea trid tikseb mill-ġdid l-irwol sinifikanti tagħha fil-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani permezz ta’ involviment politiku aktar tanġibbli u viżibbli, u huwa fl-interess tal-UE nnifisha li dan isir. Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, waqt laqgħa informali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri tal-Unjoni (magħruf bħala l-Gymnich) li saret fil-kapitali tal-Awstrija, Vjenna, bejn it-30 u l-31 ta’ Awwissu 2018. L-Awstrija bħalissa għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
“Jinħtieġ li nsibu r-rieda politika neċessarja, u ċertament irridu nuru aktar għaqda bejnietna fejn jidħol il-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani,” qal il-Ministru Abela. “Huwa importanti wkoll li nibqgħu naħdmu attivament kemm mal-Iżraeljani kif ukoll mal-Palestinjani.” Huwa tenna l-appoġġ ta’ Malta għall-Aġenzija tal-Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (l-UNRWA), u saħaq fuq il-ħtieġa li jiġu enfasizzati aktar il-ħidmiet fundamentali tagħha, partikolarment l-edukazzjoni, li hija kruċjali għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Dwar il-migrazzjoni, il-Ministru reġa’ tkellem dwar l-importanza tal-Operazzjoni Sophia u insista li l-Istati Membri għandhom ikomplu jfittxu punti li jaqblu fuqhom fil-kuntest tal-ġrajjiet ta’ dan l-aħħar. Huwa enfasizza wkoll il-ħtieġa li ssir ħidma aktar effettiva mal-pajjiżi tal-oriġini.
Il-laqgħa informali, li ppresedietha r-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà, Federica Mogherini, fetħet b’diskussjoni dwar l-iżviluppi kurrenti fil-Lvant Nofsani, b’attenzjoni fuq is-sitwazzjoni fis-Sirja, kif ukoll dwar dak li qed iseħħ fl-Iran u fil-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina. Il-Ministru Abela esprima t-tħassib serju ta’ Malta minħabba t-tensjonijiet ġeopolitiċi ta’ bħalissa bejn l-Iran u l-ġirien tiegħu, u partikolarment minħabba l-effetti konsegwenzjali fis-Sirja u fil-Jemen. Huwa qal li s-sitwazzjoni qed tiggrava t-tensjonijiet u l-vjolenza fir-reġjun u lil hinn minnu, u qed timmina l-ħidma lejn l-istabbiltà u s-sigurtà. Malta tappella lill-partijiet kollha kkonċernti biex jgħinu sabiex it-tensjonijiet jonqsu permezz ta’ djalogu u diplomazija sinifikanti, bil-għan li jkun hemm koperazzjoni reġjonali stabbli u effettiva.
Il-Ministri qasmu wkoll l-ideat dwar il-Balkani tal-Punent, b’enfasi fuq it-tkabbir tal-UE. Kellhom ukoll sessjoni ta’ ħidma dwar il-multilateraliżmu effettiv, flimkien ma’ għadd ta’ pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE: l-Albanija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja, u t-Turkija. Il-Ministru Abela qal li l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jsaħħu l-impenn tagħhom mhux biss biex jikkonsolidaw l-istituzzjonijiet multilaterali iżda wkoll biex jiddefenduhom. “Il-ħin kollu niġu mfakkrin f’kemm id-dinja saret interdipendenti kaġun ta’ sfidi globali u komuni. L-istorja turina li l-pajjiżi individwali waħedhom ma jistgħux jindirizzaw b’mod effettiv il-bidliet li ġġib magħna in-natura interkonnessa tad-dinja tal-lum,” qal il-Ministru Abela.