Il-Kummissjoni Ewropea nediet l-ewwel strateġija Ewropea tad-difiża fl-istorja tagħha bi pjan ta’ aktar minn wieħed punt ħames biljun ewro biex l-Unjoni Ewropea tkun armata sa snienha f’dak li jista’ jinqala’ fil-kontinent.
Is-sit awtorevoli Politico ddeskriva din il-mossa favur it-tisħiħ tal-armamenti bħala t-telfien tal-proġett ta’ paċi li għalih twieldet l-istess Unjoni Ewropea, wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Is-sit tenna li, jekk il-pajjiżi membri jaqblu, dan se jġib fi tmiemu l-ftehim li kien intlaħaq wara l-Gwerra Bierda li ra t-trażżin fl-infieq fuq l-armi.
F’konferenza indirizzata mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin, Josep Borrell, il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea, Margarethe Vestager u l-Kummissarju Ewropew għall-Industrija, Thierry Breton, tħabbar li dan il-pass Ewropew iwieġeb għall-qawmien ta’ konflitti intensi, partikolarment fl-aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Ċentrali għal din l-istrateġija hu l-Programm Ewropew għall-Industrija tad-Difiża, li se jiżgura d-disponibbiltà u l-provvista f’waqtha tal-armamenti.
Politico semma wkoll kif Breton enfasizza li l-Ewropa, skontu, qed tiffaċċja “theddida eżistenzjali”, waqt li Borrell wissa li “l-Ewropa trid issaħħaħ il-kapaċitajiet tad-difiża tagħha b’rispons għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna”.
L-istrateġija tindirizza l-isfidi fi ħdan il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea, filwaqt li tenfasizza l-potenzjal tagħha għat-tkabbir matul l-għaxar snin li ġejjin.
Il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea stqarret kif elementi ewlenin jinkludu t-trawwim ta’ rabtiet aktar mill-qrib mal-Ukrajna u l-kollaborazzjoni man-NATO u s-sħab strateġiċi. Qalet li din l-istrateġija tistabbilixxi miri ambizzjużi għall-istati membri, bil-għan li jinkiseb akkwist kollaborattiv ta’ mill-inqas erbgħin fil-mija tat-tagħmir tad-difiża sal-2030.
Qalet, “Since we want to invest more, we should invest better, which largely means investing together and investing European. This is the message of the two box which we present today. In order to enable us to move from crisis response mode to one of structural advance readiness, in a manner that closely involves Ukraine.”
L-istrateġija se titlob li l-baġits nazzjonali tal-pajjiżi u tal-UE jiġu fl-istess linja biex jappoġġaw l-addattament tal-industrija għall-kuntesti ta’ sigurtà li se jevolvu.