L-Unjoni Ewropea nnutat l-investiment li qed jagħmel il-Gvern Malti fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna.
Dan ġie nnutat mill-iScoreboard tal-Ġustizzja, li ġie ppubblikat il-Ħamis mill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, Didier Reyders.
Dan ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-Unjoni Ewropea huwa dwar is-sena 2021, is-sena meta pajjiżna beda jirkupra mill-pandemija globali.
F’dan ir-rapport ġie nnutat li l-investiment fil-ġustizzja u fil-Qrati f’Malta kien ta’ aktar mid-doppju meta mqabbel mal-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista.
Minn dan ir-rapport tal-Unjoni Ewropea ħareġ li, fl-2021, meta mqabbel ma’ sena qabel, kien hemm żieda fil-membri tal-ġudikatura.
Fi stqarrija b’rispons għall-pubblikazzjoni tal-Iscoreboard, il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li, bejn l-2021 u din is-sena, kien hemm żieda ta’ għaxar membri tal-ġudikatura; dan ifisser żieda ta’ 23 fil-mija.
Minn dan l-eżerċizzju ta’ valutazzjoni tal-Unjoni Ewropea ħareġ ukoll li kien hemm tnaqqis qawwi fid-dewmien fil-proċeduri tal-Qrati f’pajjiżna, meta mqabbel mal-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista. It-tnaqqis bejn l-2012 u l-2021 kien kważi bin-nofs.
Ir-rapport innota li kien hemm tnaqqis fiż-żmien kemm idumu l-każijiet tal-Qorti f’reati ta’ ħasil ta’ flus. Dan hekk kif kien hemm nuqqas qawwi bejn l-2019 u l-2021.
Intant, minn stħarriġ li sar fl-Ewrobarometru – studju li huwa kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea – ħareġ li l-kumpaniji u n-negozji f’pajjiżna huma l-aktar fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li huma fiduċjużi li l-investimenti tagħhom jiġu protetti mil-liġi u mill-qrati jekk xi ħaġa tmurilhom ħażin. Dan is-sentiment huwa rifless minn 83 fil-mija tal-kumpaniji Maltin.
Fl-istqarrija ntqal li l-Ministeru jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li dan ir-rapport jiffoka fuq gruppi vulnerabbli, għax dan huwa konformi mir-riformi li qed jaħdem fuqhom il-Gvern Malti sabiex is-sistema tal-ġustizzja tkun aktar aċċessibbli.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, qal lil ONE News li jinnota b’sodisfazzjon dan ir-rapport, li laqa’ tajjeb ir-riformi li qed jagħmel il-gvern Malti f’dan is-settur.
“Il-Justice Scoreboard maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea jindika li pajjiżna qed igawdi mill-frott ta’ riformi u d-deċiżjonijiet kuraġġużi li qed jittieħdu mill-Gvern fis-settur tal-Ġustizzja, fejn fost oħrajn qed naraw tnaqqis fiż-żmien li jieħdu l-proċeduri tal-Qrati tagħna. Huwa wkoll konferma tal-impenn konsistenti, nistgħu ngħidu hekk, tal-Gvern, mhux f’dak li għandu x’jaqsam ma’ allokazzjoni finanzjarja, imma wkoll fl-investiment, fir-riżorsi umani, fl-infrastruttura – inkluża dik diġitali – u anki fl-immodernizzar tal-liġijiet. Ċertament, aħna nibqgħu konxji li baqa’ xi jsir, però dan ir-rapport jagħtina l-kuraġġ u anki d-determinazzjoni biex inkomplu ntejbu u nibnu fuq ir-riżultati miksuba.”
Ministru Jonathan Attard