Il-qabiet tad-droga Kokaina f’pajjiżna żdiedu b’rata kbira meta mqabbel ma’ 10 snin ilu.
Dan ikkonfermah rapport tal-Unjoni Ewropea dwar is-swieq tad-droga fejn l-esperti Ewropej irrikonoxxew lill-iżgħar żewġ stati membri, Malta u l-Lussemburgu għall-kisbiet kbar tagħhom f’dan il-qasam.
Minn kampjuni ta’ qabdiet li ntbagħtu minn Malta ġie konkluż li l-Kokaina li daħlet f’pajjiżna tul l-2017 kellha purezza ta’ madwar 95%. L-istess rapport ikkonkluda wkoll li s-sors ewlieni ta’ fejn ġiet magħmula l-Kokaina kien il-Kolumbja.
Apparti s-suq tad-droga kokaina dan ir-rapport evalwa wkoll diversi swieq oħra tad-droga fosthom tal-Kannabis.
Hawnhekk ukoll ġie nnutat li pajjiżna għamel diversi qabdiet kbar fosthom qabda kbira ta’ 11-il tunnellata reżina tal-Kannabis li kienet intenzjonata lejn l-Ewropa Ċentrali mil-Libanu.
Ir-rapport innota wkoll kif bejn l-2007 u l-2017, is-saħħa u l-prezz tal-pjanta kannabis u r-reżina tal-kannabis li ġew maqbuda fl-Ewropa rduppjaw.
Matul iż-żmien il-mistier tat-traffikar tad-droga baqa’ dejjem jevolvi u filwaqt li rati tat-traffikar tad-droga mit-toroq baqa’ konsistenti ġie nnutat li metodi oħra qed isiru aktar popolari. Hawnhekk huma semmew it-traffikar tad-droga permezz tas-servizzi postali wara li jkunu nxtraw minn fuq l-internet.
Għalkemm f’pajjiżna dan il-metodu għadu mhux qed jintuża mit-traffikanti, l-investigaturi mill-Ġermanja, l-Olanda u r-Renju stabilixxew li numru ta’ traffikanti kbar li jfornu diversi traffikanti iżgħar, issa qed jagħżlu li jbiegħu ammonti iżgħar ta’ droga dirett lill-konsumatur permezz tal-internet.