“Minflok taġġorna l-politika tagħha fil-qasam ekonomiku u soċjali, l-Oppożizzjoni qed tkompli tiffissa fuq il-manifest tagħha mimli żbalji u li l-poplu skarta bl-aktar mod ċar f’ Marzu 2022. Dan meta baqgħet ma ndunatx li s-setturi li ssemmi diġa’ qegħdin hawn Malta joħolqu impjiegi ta’ kwalità u saħansitra qed ikomplu jissaħħu.”
Qal dan il-Partit Laburista fi stqarrija li ħareġ is-Sibt filgħodu hekk kif sostna li l-Oppożizzjoni ma titlifx okkażjoni biex tattakka l-progress li għamel pajjiżna fis-settur ekonomiku u tinjora dak kollu pożittiv li jintqal dwar pajjiżna. Saħansitra nnota li l-Oppożizzjoni anke l-kliem pożittiv tal-Kummissjoni Ewropea li qed tuża, injorat għal kollox.
Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-istqarrija tal-Oppożizzjoni, fil-Country Report tal-2023, il-Kummisjoni Ewropea isostni li “Malta further increased the employment rate from 73% in 2017 to 81.1% in 2022, which is very high compared to the EU average (74.6% in 2022)”, qal il-Partit Laburista
Irrimarka wkoll kif fil-country report tal-2012, meta pajjiżna kien għadu jbati mill-konsegwenzi tal-politika tal-amministrazzjoni Nazzjonalista, il-Kummissjoni minflok tfaħħar il-qasam tal-impjiegi ta’ pajjiżna, kienet tara dan bħala sfida kbira tant li kienet sostniet li “the employment rate remains among the lowest in the EU”.
Intant, il-Partit Laburista jinnota wkoll kif fl-istqarrija tagħhom, il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista jsaqsu x’investiment qed isir f’Malta. Dan meta ċifri uffiċjali juru li s-sena li għaddiet kienet waħda rekord, bl-investiment jilħaq rekord ta’ €3.6 biljun, jew kważi tlett darbiet il-livell ta’ investiment li pajjiżna kellu fl-2012.
Il-Partit Laburista kompla jgħid kif fin-negattività tagħhom il-kelliema tal-Oppożizzjoni jgħidu li mhux qed jiġu maħluqa impjiegi f’setturi b’valur miżjud għoli.
Dan meta mill-2013 ’l hawn, l-ammont ta’ impjiegi full-time fil-qasam tal-informazzjoni u komunikazzjoni kważi rduppjaw, b’żieda ta’ aktar minn 4,000 impjieg. L-istess ġara fis-settur finanzjarju, fejn hemm kważi d-doppju tal-impjiegi tal-2012, b’żieda ta’ aktar minn sitt elef impjieg. Fis-settur tas-servizzi professjonali, illum l-impjiegi full-time huma darbtejn u nofs dawk li kien hemm fl-2012, b’żieda ta’ kważi tnax-il elf impjieg. Fis-settur tal-gaming illum l-impjiegi full-time huma tlett darbiet u nofs dawk f’Marzu 2013, b’żieda ta’ kważi 10,000 impjieg.
Tant hu hekk li fil-Country Report tal-2023 l-esperti tal-Kummissjoni jsostnu li “Malta performs above the EU average in terms of employment in fast-growing companies in the 50% most innovative sectors (8.2% in 2019 against the EU average of 5.5%)”.
Fl-istqarrija tiegħu, il-Partit Laburista temm jgħid li minflok joħorġu stqarrijiet fiergħa, il-kelliema tal-Oppożizzjoni aħjar jiffukaw biex jaġġornaw il-politika ekonomika u soċjali tagħhom, ħalli b’hekk ikunu forsi ta’ ftit kontribut fil-ħidma ta’ pajjiżna li jkompli jwettaq b’suċċess it-tranżizzjoni għal ekonomija ħadra u diġitali b’ħiliet aqwa.