L-Unjoni Ewropea ffirmat il-ftehim tal-mekkaniżmu taċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Fil-preżenza tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli u l-Prim Ministru Portugiż Antonio Costa ffirmaw dan il-ftehim.
Preżentament il-Portugall għandu f’idejh il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-ġimgħa l-oħra l-Parlament Ewropew approva ċ-ċertifikat diġitali tal-Covid-19 għall-Unjoni Ewropea kollha.
Dan ifisser li l-istati membri tal-Unjoni Ewropea ser jirrikonoxxu dan iċ-ċertifikat bħala prova ċara ta’ vaċċinazzjoni.
Dan filwaqt li se jkun iċċertifikat wkoll li persuna riċentament kellha riżultat negattiv għall-Covid-19 jew li riċentament tkun irkuprat mill-infezzjoni.
Dan iċ-ċertifikat ser jidħol fis-seħħ għal tnax-il xahar mill-1 ta’ Lulju.
Dan ser jinħareġ bla ħlas mill-awtoritajiet nazzjonali u mistenni li jkun disponibbli f’forma diġitali u stampata.
Malta kienet pijuniera fuq is-sistema taċ-ċertifikat tal-vaċċin.
F’Jannar li għadda, is-sit awtorevoli Politico kien irrapporta dwar ittra li kien bagħat il-Prim Ministru Robert Abela lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen.
F’din l-ittra, il-Prim Ministru Malti kien qal li wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea jkollha sistema kompjuterizzata bejn l-istati membri kollha, biex ikun magħruf min ikun imlaqqam kontra l-COVID-19.